Internazzjonali

Salvini jwiegħed li l-affarijiet se jinbidlu f’dik li hi żbarki ta’ immigranti

Matteo Salvini

Matteo Salvini, il-Ministru ġdid tal-Intern Taljan kif ukoll Viċi Prim Ministru, il-Ħadd żar Sqallija fejn wiegħed li l-affarijiet se jinbidlu f’dik li hi żbarki ta’ immigranti. It-tema tal-immigrazzjoni kienet l-għajta ewlenija ta’ Salvini bħala kap tal-Lega waqt il-kampanja elettorali.
Dwar l-immigrazzjoni, Salvini f’Katanja qal li l-Gvern ġdid Taljan ma kienx se jadotta linja iebsa imma waħda ta’ sens komuni u l-ħidma li bdiet isir kienet dik biex jieqaf it-tluq tal-immigranti lejn il-kosta Taljana. Hu qal ukoll li dawk l-immigranti li ma kellhomx dritt jibqgħu fl-Italja kellhom jitilqu mill-pajjiż.
L-Italja kienet għamlet ftehim mal-awtoritajiet fil-Libja dwar l-immigrazzjoni u minn mindu sar fis-sajf tal-2017 kien hemm tnaqqis ta’ madwar 75 fil-mija fid-dħul tal-immigranti. Imma minkejja dan mill-bidu tas-sena s’issa l-awtoritajiet Taljani rreġistraw id-dħul ta’ 13,500 immigrant fil-pajjiż.
Anki Luigi Di Maio, il-kap tal-Moviment Cinque Stelle u wkoll Viċi Prim Ministru, kritika s-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni imma l-kliem tiegħu hu aktar meqjus minn dak ta’ Salvini.