Barcelona laħqu ftehim mad-difensur internazzjonali Franċiż Samuel Umtiti biex il-kuntratt tiegħu jiġi mġedded b’ħames snin. Iċ-champions Spanjoli ħabbru li l-plejer ta’ 24 sena ffirma kuntratt sa tmiem l-istaġun 2022/23.
Umtiti kien ingħaqad ma’ Olympique Lyon fl-2016 għal somma ta’ €25 miljun, u fforma koppja ċentrali tajba ma’ Gerard Pique fil-qalba tad-difiża ta’ Barcelona. Id-difensur jinsab parti mill-iskwadra finali ta’ Franza għat-Tazza tad-Dinja, u hu mistenni li jibda fiċ-ċentru tad-difiża flimkien mad-difensur ta’ Real Raphael Varane.
Ġimgħa ilu, Umtiti tkellem mal-gazzetta Franċiża L’Equipe u qal li “hu ċar li rrid inġedded il-kuntratt tiegħi ma’ Barcelona u nittama li nkun mat-tim l-istaġun li ġej. Ninsab fi klabb li għamel il-ħolma tiegħi li nilgħab hemm realtà. Bħalissa għadni taħt kuntratt, għalhekk biex nitlaq, jew ineħħuni jew irrid niddeċiedi li nitlaq jien,” qal Umtiti.
Umtiti skorja darbtejn fi 88 logħba għat-tim ta’ Ernesto Valverde u rebaħ La Liga u darbtejn it-Tazza tar-Re. Il-klawsola tar-release ta’ Umtiti hi ta’ €500 miljun.
//= $special ?>