Lokali

Fejn tidħol il-ħajja l-konsultazzjoni għandha dejjem tiġi qabel il-leġislazzjoni

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija tal-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista Claudio Grech u Stephen Spiteri jinnota li l-Gvern qed iressaq sensiela ta’ emendi għall-emendi li ressaq ftit ġimgħat ilu biex ibiddel l-Att dwar il-Protezzjoni ta’ l-Embrijuni. Dawn l-bidliet huma konferma tal-għaġla li l-Gvern aġixxa biha meta ressaq l-emendi u qed isiru b’reazzjoni għall-mewġa ta’ kritika li saret dwar dak li ppropona l-Gvern.

L-Oppożizzjoni se tkun qiegħda tifli dawn l-emendi sabiex tkun tista’ tara jekk jindirizzawx it-tħassib li tqajjem fuq id-diversi punti li ressqu kemm l-Oppożizzjoni kif ukoll is-soċjetà ċivili.

Kif dejjem għamel il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jpoġġi fiċ-ċentru tal-politika tiegħu l-prinċipju li l-ħajja għandha tkun protetta mill-bidunett tagħha filwaqt li jżomm quddiem għajnejh l-isforzi qalbiena ta’ koppji bi problemi ta’ infertilità fix-xewqa tagħhom li jsiru ġenituri.

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li se jibqa’ jemmen li suġġett tant sensittiv jixraqlu konsultazzjoni sħiħa u dibattitu ħafna aktar wiesgħa, kawt u ħieles minn kwalunkwe għaġla.