L-eksgowlkiper ta’ Juventus Gianluigi Buffon ġie sospiż tliet partiti mill-UEFA wara li f’April li għadda kien tkeċċa fit-tieni leg tal-kwarti tal-finali taċ-Champions League kontra Real Madrid.
Il-UEFA kienet fetħet żewġ proċeduri fil-konfront ta’ Buffon. L-ewwel proċedura hi minħabba l-karta l-ħamra diretta li ntwera għal protesti kontra r-referee Michael Oliver. It-tieni waħda hi għal dak li qed isejħu bħala ksur ta’ komportament tal-prinċipji ġenerali.
Juventus kienu tilfu l-ewwel leg 3-0 fl-Allianz Stadium, iżda rkupraw it-tliet gowls f’Santiago Bernabeu, sakemm Real Madrid ingħataw penalty fit-93 minuta li qajjem protesti kbar mill-plejers ta’ Juventus. Buffon kien tkeċċa għal protesti kbar fil-konfront tar-referee Ingliż Michael Oliver.
Wara l-partita, Buffon kien saħansitra kritika d-deċiżjoni ta’ Oliver, fejn qal biex ħa dik id-deċiżjoni, ir-referee minflok qalb f’sidru kellu “landa taż-żibel.”
F’Mejju Buffon lagħab l-aħħar logħba tiegħu ma’ Juventus hekk kif ħabbar li se temm karriera glorjuża mal-Bianconeri u kollox jidher li hu issa se jingħaqad ma’ PSG. B’hekk, Buffon mistenni jiskonta s-sospensjoni fl-ewwel tliet partiti mill-fażi tal-gruppi taċ-Champions League tal-istaġun li ġej.
//= $special ?>