Hekk kif issa ninsabu ftit jiem ‘il bogħod mit-Tazza tad-Dinja dan l-artiklu se jagħti ħarsa lejn rekords li jistgħu jinkisru waqt l-edizzjoni li se ssir fir-Russja. Waqt it-turnament li se jdum mill-14 ta’ Ġunju sal-15 ta’ Lulju mistennija jew jistgħu jinkisru tmien rekords.
L-aktar plejer veteran fit-Tazza tad-Dinja
Il-gowlkiper Eġizzjan Essam El-Hadary mistenni jsir l-aktar plejer veteran li qatt lagħab fit-Tazza tad-Dinja. Attwalment hu għandu 45 sena. Hu jilgħab fl-Arabja Sawdija mal-klabb ta’ Al-Taawon u f’dawn l-aħħar ġimgħat ġie mgħajjat biex jifforma parti mat-tim li se jkun qed jikkompeti fir-Russja.
Dan ifisser li jekk hu jilgħab fl-ewwel logħba tal-grupp tal-Eġittu li se tkun fil-15 ta’ Ġunju kontra l-Urugwaj, hu jkun qed jilgħab fit-Tazza tad-Dinja fl-età ta’ 45 sena, ħames xhur u 12-il jum.
Minbarra li dakinhar iwaqqaf rekord tal-aktar plejer veteran li jkun qatt lagħab fit-Tazza tad-Dinja jsir ukoll l-aktar captain veteran u l-aktar plejer veteran li jkun qatt għamel id-debutt tiegħu fit-Tazza tad-Dinja.
Hu se jkun qed jikser ir-rekords li attwalment jinsabu f’idejn Faryd Mondragon tal-Kolombja li fit-Tazza tad-Dinja tal-2014 kellu 43 sena u ta’ Peter Shilton li fit-Tazza tad-Dinja tal-1990 kien captain tal-Ingliżi fl-età ta’ 40 sena.
L-aktar plejer li qatt lagħab fit-Tazza tad-Dinja bħala captain
Id-difensur Messikan Rafa Marquez mistenni jwaqqaf rekord f’din it-Tazza tad-Dinja. Hu se jkun qed jikser rekord li diġa’ jinsab f’idejh, dak tal-aktar plejer li qatt lagħab fit-Tazza tad-Dinja bħala captain.
Fir-Russja mistennija tkun il-ħames darba li hu se jkun qed imexxu lil pajjiżu waqt dan it-turnament prestiġjuż.
Fl-ewwel logħba mill-fażi tal-gruppi, dik kontra l-Ġermanja, Marquez se jkun qed jilbes il-flokk Messikan għall-130 darba.
L-aktar klabbs li bagħat plejers għat-Tazza tad-Dinja
Manchester City, li f’dawn l-aħħar xhur ġew inkurunati champions tal-Ingilterra mistennija jiksru rekord, dak tal-aktar klabb li jkun bagħat plejers għat-Tazza tad-Dinja.
Dan ir-rekord hu attwalment f’idejn it-tim ta’ Arsenal li lura fl-2006 kien bagħat 15-il plejer biex jikkompetu fl-edizzjoni li kienet saret fil-Ġermanja.
Issa se jkunu s-Citizens li fir-Russja se jibagħtu 16-il plejer. Dawn huma Fernandinho, Gabriel Jesus, Danilo u Ederson li se jilagħbu mal-Brażil, Walker, Delph, Sterling u Stones li se jilagħbu mal-Ingilterra, Otamendi u Aguero li se jilagħbu mal-Arġentina, Gundogan tal-Ġermanja, De Bruyne u Kompany tal-Belġju, David Silva ta’ Spanja, Bernardo Silva tal-Portugall u Mendy ta’ Franza.
Klabb li hu rappreżentat minn plejer f’kull grupp
Sa issa dan ir-rekord għadu qatt ma twaqqaf f’xi edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja. Wieħed jista’ jgħid li dan hu rekord aktar abbinat ma’ “destin” aktar milli ma’ kwalità ta’ klabb jew ta’ plejer.
Madankollu f’din l-edizzjoni li se ssir fir-Russja se jkun hemm klabb li inċidentalment se jkollu plejer minn tiegħu fit-tmien gruppi.
Dan hu t-tim ta’ Barcelona. Suarez tal-Urugwaj se jkun fi Grupp A, Pique, Busquets u Alaba ta’ Spanja se jkunu fi Grupp B, Umtiti u Dembele ta’ Franza se jkunu fi Grupp Ċ, Messi tal-Arġentina u Rakitic tal-Kroazja se jilagħbu kontra xulxin fi Grupp D, Coutinho u Paulinho talBrażil fi Grupp E, il-gowlkiper Ter Stegen tal-Ġermanja fi Grupp F u Vermaelen u Mina se jilagħbu kontra xulxin fi Grupp Ħ fil-konfront bejn il-Belġju u l-Kolombja.
Rekord ta’ Clean Sheets
Bħalissa dan ir-rekord jinsab għand żewġ gowlkipers. L-Ingliż Peter Shilton u l-Franċiż Fabien Barthez. Shilton, bejn l-edizzjonijiet tal-1982 u l-1990 u Barthez, bejn l-edizzjonijiet tal-1998 u 2006 kisbu 10 clean sheets.
Il-gowlkiper attwali tal-Ġermanja Manuel Neuer li jidher li se jkun laħaq irkupra wara kważi staġun barra minħabba injury, għandu seba’ clean sheets li kisibhom bejn l-2010 u l-2014.
L-aktar tim li rebaħ partiti bl-għoti tal-penalties
Bħalissa l-Arġentina u l-Ġermanja huma l-aktar żewġ timijiet li rebħu partiti permezz ta’ penalties.
Huma kisbu erba’ rebħiet. Dawn iż-żewġ pajjiżi, li erba’ snin ilu kienu finalisti tat-turnament li kien sar fil-Brażil, se jerġgħu jkunu preżenti fir-Russja u wieħed minnhom jista’ saħansitra jwaqqaf rekord.
L-aktar konfront milgħub
Fit-Tazza tad-Dinja hemm erba’ timijiet li ltaqgħu diversi drabi kontra xulxin. Bħalissa r-rekord hu dak ta’ seba’ konfronti kontra xulxin u dan qiegħed f’idejn il-partiti Brażil v Żvezja u Ġermanja v Arġentina.
Għal darba oħra nistgħu nerġgħu naraw dawn il-konfronti anke fl-edizzjoni tar-Russja. Dan jekk kemm-il darba l-Brażil jirbħu Grupp E, xi ħaġa li hi ferm possibbli u l-Iżvediżi jtemmu fit-tieni post ta’ Grupp F.
Barra minn hekk l-Arġentina u l-Ġermanja jistgħu jiltaqgħu kontra xulxin fis-semifinali jekk it-tnejn li huma jirbħu l-grupp rispettiv tagħhom u jibqgħu javvanzaw sa dan l-istadju.
L-aktar plejer li qatt skurja gowls
L-attakkant Ġermaniż Miroslav Klose għadu f’idejh ir-rekord tal-aqwa skorer fit-Tazza tad-Dinja fejn b’kollox hu sab ix-xibka 16-il darba.
Dan ir-rekord hu diffiċli biex jinkiser fir-Russja meta wieħed iqis li l-aktar plejer viċin tiegħu u li għadu qed jilgħab il-futbol hu proprju attakkant ieħor, Thomas Mueller.
Dan tal-aħħar s’issa skurja 10 gowls u jrid isib ix-xibka seba’ darbiet biex jikser ir-rekord ta’ Klose f’din l-edizzjoni.
Ta’ min jinnota li Mueller għad għandu 28 sena u jista’ bla dubju jikser ir-rekord ta’ Klose jekk ikun preżenti wkoll fit-Tazza tad-Dinja ta’ erba’ snin oħra li se ssir fil-Qatar.
//= $special ?>