Lokali Qorti

Ħati li attakka żewġ Pulizija; il-Qorti tinsisti fuq tolleranza zero

Il-Qorti tornda li jkun estradit wara li jservi s-sentenza ta' ħabs

Nuqqas ta’ komunikazzjoni wasslet għal sitwazzjoni kemmxejn imbarazzanti għall-pulizija hekk kif Abubakar Ibrahim Jarbil ta’ 33 sena min-Niger, li kien imfittex dwar diversi każi kriminali, kien fil-fatt jinsab miżmum fil-faċilita’ korrettiva ta’ Kordin fuq każ ieħor.

Dan fil-fatt wassal biex ħames mis-sitt akkużi li kellu kontrih twaqqgħu wara li ġew preskritti. Il-Qorti qalet li dan kien żball serju filwaqt li emfasizzat li m’għandu jkun hemm l-ebda tolleranza f’każi ta’ vjolenza fuq uffiċjali tal-pulizija.

Jabril kien akkużat li fil-5 t’April 2016 attakka uffiċjali tal-pulizija meta twaqqaf fit-Tiger Bar il-Marsa għax kien jixbah lil peruna mfittxija minnhom. L-akkużat qal li huwa rreżista l-arrest għax l-uffiċjali kienu ġebbdulu xagħru, u bi żball kien gidem lil wieħed mil-pulizija meta dan deffes idejh ġo ħalqu.

Fost l-akkużi li nġiebu kontrih kien hemm li huwa hedded, insulta u weġġa’ lil uffiċjal tal-pulizija u li kiser l-ordni pubblika.

Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Joe Mifsud saħaq fuq l-importanza li l-pulizija jkollhom protezzjoni waqt il-qadi ta’ dmirijiethom u li ħadd u qatt ma jista’ jiġi skużat talli jhedded jew iweġġa uffiċjal. Huwa kompla jgħid li bl-ebda mod ma jrid jara l-membri tal-korp demoralizzati meta jkunu fil-mira ta’ kritika mis-soċjeta’.

L-akkużat ingħata sentenza ta’ xahar ħabs u ġie mmultat €4,000 pagabbli fi żmien 6 xhur. Il-Maġistrat talab lill-awtoritajiet tal-Imigrazzjoni biex l-akkużat jiġi deportat wara li jiskonta s-sentenza tiegħu.