Internazzjonali

Il-Gwatemala: Ifittxu l-vittmi potenzjali mill-iżbroff tal-vulkan

Diversi truppi tal-Gwatemala ssieħbu mal-iskwadri għall-emerġenzi fi tfittxija għal persuni nieqsa wara l-iżbroff kbir ta’ vulkan li fih inqerdu numru ta’ villaġġi.

Il-villaġġi ntradmu, jiem ilu, taħt ‘il-widien’ ta’ blat, ġmied u tajn — biċ-ċifra tal-mewt uffiċjali wara l-iżbroff tal-vulkan Fuego, issa, taqbeż is-sebgħin. Mistenni, intant, li t-tfittxija, ‘il quddiem,  tiżvela vittmi oħrajn mill-iżbroff, meta eluf ta’ nies, għalissa, qed jingħataw il-kenn f’numru ta’ xelters temporanji.

L-esperti dwar l-attività tal-vulkani qalu li l-iżbroff ta’ Fuego – li għal ħinijiet tella’ dħaħen ta’ ġmied f’għoli ta’ għaxar kilometri – għalissa jidher li waqaf, ‘bl-enerġija vulkanika qed tonqos’. Madankollu, il-vulkan Fuego hu magħruf bħala wieħed attiv ħafna u ħadd ma jeskludi l-possibbiltà ta’ żbruffatura ġdida ‘fis-sigħat jew il-jiem li ġejjin’.

Waqt l-eqqel tal-iżbroff, il-vulkan beda jarmi taħlita ta’ lava u gassijiet jaħarqu li niżlu mal-ġnub tiegħu u koprew komunitajiet bħal El Rodeo u San Miguel Los Lotes. Dan waqt li numru ta’ familji kellhom jabbandunaw kollox u jaħarbu mill-inħawi.