Lokali

“In-nies iridu spjegazzjoni dwar ġiti li saru minn fuq daharhom” – PN

“In-nies qegħdin jistennew risposta mingħand il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona dwar ġiti li għamel barra minn Malta.”

iddikjara dan il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba Simon Busuttil wara li l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali ma setax jistabbilixxi l-ispejjeż ta’ numru ta’ ġiti li għamel il-Ministru Cardona wara li ntilfu numru ta’ rċevuti u dokumenti relatati.

Għal dawn iż-żjarat il-Ministru Cardona siefer waħdu u mingħajr ebda uffiċjali jakkumpanjawh u swew lill-poplu Malti eluf kbar. The Times of Malta rrappurtat kif il-Ministru Cardona nefaq €2,666 għal kull lejl matul it-tlett ijiem ġita li għamel f’Monaco u kif claimta’ €2,003 fuq invoice tal-lukanda ma setgħetx tiġi identifikata. Il-midja rrappurtat ukoll li l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali mhux f’pożizzjoni li jivverfika l-ispejjeż tal-ġiti.

“In-nies qed jistennew spjegazzjoni mingħand il-Ministru Cardona dwar x’kien qed jagħmel waħdu f’dawn il-ġiti mħallsa minn fuq daharhom,” jgħid il-Partit Nazzjonalista.