It-tqaċċit tas-siġar li qed iseħħ madwar il-pajjiż qajjem tħassib f’diversi għaqdiet b’mod partikolari hekk kif it-Tlieta qed niċċelebraw Jum l-Ambjent.
Fi stqarrija li għamlet Nature Trust Malta, weriet tħassib serju dwar il-massakru kontinwu li qed iseħħ fuq is-siġar f’zoni rurali, fosthom l-erbatax il-siġra taċ-Ċawsli fir-Rabat, Għawdex, is-siġra tal-Ballut ta’ qrib il-Barrakka ta’ Fuq, li ingħad li kienet ‘ta’ periklu għan nies’, u l-ħarruba ikonika ta’ ġnien Villa Forte, Ħal-Lija.
Nature Trust qalet li fid-dawl ta’ rapporti li l-livelli ta’ Carbon Dioxide fl-arja tagħna huma inkwetanti ferm, il-qtugħ ta’ aktar u aktar siġar mhu qed jagħmel xejn ħlief li jkompli jiggrava s-sitwazzjoni.
L-NGO talbet spjegazzjoni ghal qtugħ ta’ dawn is-siġar kif ukoll kjarifika dwar jekk il-qtugħ sarx skond il-liġi jew le. Nature Trust kompliet tgħid li hekk kif wara żvilupp kontinwu ta’ bini u toroq ħalla warajh il-qerda ta’ ħafna siġar, issa qed inomplu neqirdu il-ftit li fadlilna.
Nature Trust temmet tgħid illi huwa ironiku li filwaqt li l-Ministeru għall-iZvilupp Sostenibbli, Ambjent u Kultura suppost li qed jagħmel minn kollox biex iżid is-siġar, ħaddieħor qiegħed jeqridhom.
Intant fi storja li dehret illum f’The Times ingħad li s’issa biss din is-sena inqalgħu kważi 500 siġra, u għalkemm kelliema ghall-Ministeru tal-Ambjent qalu li mat-300 minnhom se jiġu miżrugħa bnadi oħra, esperti fil-qasam qalu kemm-il darba li ħafna drabi dawn is-siġar imutu fil-proċess.
//= $special ?>

