Internazzjonali

L-ewwel liċenzji tas-sewqan għan-nisa fl-Arabja Sawdija

L-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija ħarġu l-liċenzji tas-sewqan għan-nisa, għall-ewwel darba f’għexieren ta’ snin. Dan kien ikkonfermat ftit ġimgħat biss qabel titneħħa l-projbizzjoni għas-sewwieqa nisa f’dan il-pajjiż.

Talanqas għaxar nisa f’numru ta’ bliet Sawdi biddlu l-liċenzji tas-sewqan barranin għal dokumenti tas-sewqan bir-reġistrazzjoni ta’ pajjiżhom. Issa mistennija‘mewġa ta’ applikazzjonijiet min-nisa għal-liċenzji’ sal-24 ta’ Ġunju – il-jum meta l-projbizzjoni għas-sewqan ma tibqax effettiva fil-konfront tan-nisa fl-Arabja Sawdija.

Il-liġijiet tal-Arabja Sawdija jirrikjedu li n-nisa jfittxu l-permess tal-irġiel għal diversi azzjonijiet u jestendu għall-projbizzjoni tas-sewqan. Dan kien ifisser li l-familji fl-Arabja Sawdija kellhom iqabbdu s-sewwieqa privati biex jittrasportaw lin-nisa qraba.

Il-gruppi favur id-drittijiet umani ilhom is-snin imexxu kampanja biex in-nisa Sawdi jkunu permessi li jsuqu, b’numru ta’ nisa anki jeħlu l-ħabs wara li sfidaw il-liġi.

Intant, attivisti favur id-drittijiet tan-nisa ilmentaw dwar ‘aktar miżuri ripressivi fl-Arabja Sawdija’ fejn xi attivisti, irġiel u nisa, spiċċaw arrestati, ix-xahar li għadda, fost akkużi li kienu ‘tradituri’ u ‘sieħba tal-potenzi barranin’. Jaħsbu li fost l-arrestati kien hemm Loujain al-Hathloul, li hi protagonista fil-kampanja favur is-sewwieqa nisa.

Il-grupp Amnesty International fisser l-arresti bħala ‘tattiċi għal intimidazzjoni’ waqt li l-prosekuturi Sawdi rreferew għall-arrest ta’ 17 il-persuna, ‘li tmienja minnhom, imbagħad, ingħataw il-libertà temporanja’.