L-Iran qal li beda l-ħidma bil-għan li jżid il-kapaċità tiegħu għall-irraffinar tal-uranju. Dan f’każ li jikkrolla l-ftehim nukleari tal-2015 bejn l-Iran u l-potenzi tad-dinja.
Il-kap tal-aġenzija atomika tal-Iran, Ali Akbar Salehi, ikkonferma li pajjiżu qed jiżviluppa l-infrastruttura biex jibni ċ-ċentrifugi avvanzati fil-faċilità ta’ Natanz.
Intant, l-aġenzija ‘innotifikat b’mod uffiċjali’ lill-aġenzija nukleari tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-intenzjonijiet tagħha.
Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ix-xahar li għadda, kien irtira pajjiżu mill-ftehim nukleari storiku li jesiġi ċerti impenji mill-Iran fundamentalista.
Issa, Salehi – filwaqt li tkellem dwar iċ-ċentrifugi – qal li għalkemm il-ħidma speċifika, ‘normalment’, tesiġi għal sitta jew seba’ snin, iċ-ċirkustanzi ġodda għall-bini taċ-ċentrifugi ‘għandhom ifissru li dawn ikunu lesti fi kwistjoni ta’ ġimgħat u xhur’.
Il-ħidma aċċellerata għandha tippermetti biex l-Iran jipproduċi aktar uranium hexafluoride li hu ingredjent importanti fil-proċess għall-irraffinar tal-uranju.
Intant, Salehi qal li l-affarijiet qed jimxu skont l-istruzzjonijiet tal-Ayatollah Suprem tal-Iran, Ali Khamenei, li ħareġ direttivi lill-uffiċjali Iranjani biex ‘ikunu lesti ħalli jirrankaw il-proċess tal-irraffinar f’każ li jisfaxxa l-ftehim nukleari mal-potenzi’.
Għalkemm kollox, għalissa, għaddej ‘skont il-kriterji tal-ftehim storiku’ , l-Iran għandu jkun kapaċi biex, ‘il quddiem, jistalla ‘ġenerazzjoni ġdida ta’ċentrifugi’. Madankollu, Salehi insista li l-Iran, fil-preżent, ‘qed jimxi mar-regoli u impenji tal-ftehim tal-2015’.
Il-ftehim nukleari storiku mal-Iran kien iffirmat mill-Istati Uniti, Franza, ir-Renju Unit, iċ-Ċina, il-Ġermanja u r-Russja.
//= $special ?>


