Iċ-Ċiefa hija għasfur tal-baħar li jqatta’ ħajtu fuq l-ilma u jersaq lejn l-art biss biex ibejjed.
Dan l-għasfur ibejjet f’diversi rdumijiet madwar il-Gżejjer Maltin, u f’Malta għandna 3% tal-popolazzjoni dinjija tiegħu,bejn 4,000 u 5,000 par, bl-akbar kolonja tinstab fl-Irdumijiet ta’ Ta’ Ċenċ f’Għawdex.
Matul iż-żmien meta jkun qed ibejjet f’Malta, dan l-għasfur jipprovdi spettaklu uniku fuq il-baħar ’il barra minn dawn l-irdumijiet hekk kif mijiet, u kultant eluf, ta’ Ċief jinġemgħu fi gruppi mdaqqsa hekk kif tkun nieżla x-xemx u jagħmlu dak li jissejjaħ ‘rafting’ fuq wiċċ l-ilma qabel ma jidħlu lura fil-bejta tagħhom fl-irdum hekk kif jidlam.
Dan il-fenomenu naturali mill-isbaħ joffri spettaklu mhux tas-soltu hekk kif ħafna minn dawn l-għasafar ikunu jistgħu jiġu osservati jittajru fil-baxx flimkien fi qtajja’ kbar bl-għajta partikolari tagħhom tidwi mal-blat tal-irdumijiet fejn ibejtu.
Dan il-fenomenu annwali jdum għaddej kemm idum il-perjodu tal-bejta ta’ dawn l-għasafar imma l-qofol – jiġifieri meta wieħed jista’ josserva dawn l-għasafar fi gruppi kbar ħafna – jintlaħaq lejn l-aħħar ta’ Ġunju u l-bidu ta’ Lulju.
Ta’ kull sena, f’dan il-perjodu partikolari tas-sena BirdLife Malta tipprovdi l-opportunità lill-pubbliku biex igawdi dan il-fenomenu naturali li jiżvolġi fuq il-baħar billi torganizza vjaġġi lejn iz-zona ta’ taħt Ta’ Ċenċ fl-eqqel tal-istaġun taċ-Ċief.
Din is-sena se jsiru erba’ vjaġġi minn dawn organizzati minn din l-NGO ambjentali – tnejn fl-aħħar ta’ Ġunju u t-tnejn l-oħra fil-bidu ta’ Lulju.
L-ewwel żewġ vjaġġi se jsiru l-Ġimgħa u s-Sibt 29 u 30 ta’ Ġunju 2018 waqt li t-tieni u l-aħħar sett ta’ vjaġġi bid-dgħajjes se jsir il-Ġimgħa u s-Sibt 6 u 7 ta’ Lulju.
F’kull wieħed mill-vjaġġi d-dgħajjes jitilqu fis-6.30pm mill-moll tal-Marfa ħlief għal dak tal-Ġimgħa 6 ta’ Lulju. Dan għaliex il-ħsieb hu li dan il-vjaġġ partikolari jitlaq minn u jerġa’ lura lejn il-Port tal-Imġarr f’Għawdex biex ikun vjaġġ speċjali li jakkomoda lill-Għawdxin.
//= $special ?>
