Uffiċjali għolja tal-Istati Uniti qalu li ‘mexjin tajjeb’ it-tħejjijiet għas-summit ta’ 12 ta’ Ġunju bejn il-President Amerikan, Donald Trump u l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un.
Is-summit se jsir f’Singapore u l-uffiċjali qalu li Trump qed ikun aġġornat kuljum dwar l-iżviluppi ta’ qabel is-summit. Naqset ukoll l-inċertezza, wara li Donald Trump, jiem ilu, kien ‘irtira’ mis-summit minħabba li ma emminx li ċ-ċirkustanzi setgħu jkunu ideali b’kaġun ‘tal-ostilità kontinwa mill-Korea ta’ Fuq’. Hu, imbagħad, bidel il-ħsieb, fost kummenti li ‘il-Korea komunista qed turi aktar ir-rieda għal kooperazzjoni’.
Intant, u filwaqt li hemm ‘arja pożittiva’ fir-rigward tat-taħditiet imminenti, il-White House ta’ Washington qal li s-sanzjonijiet imposti fuq il-Korea komunista mhumiex se jitneħħew dment li r-reġim fi Pyongyang ma jirrinunċjax għall-armamenti nukleari.
Għalkemm fadal biss ġimgħa għas-summit, huma ftit id-dettalji ‘ikkonfermati’ meta din għandha tkun l-ewwel laqgħa fl-istorja bejn President Amerikan fil-kariga u Mexxej tal-Korea ta’ Fuq.
Id-diskussjoni dwar id-denuklearizzazzjoni tal-Peniżola Koreana għandha tingħata importanza kbira fl-aġenda tas-summit.
Dan waqt li xi analisti qed jispekulaw li t-tmiem formali għall-Gwerra Koreana wkoll se tkun diskussa fid-dettall, meta l-Korea t’Isfel u l-Korea ta’ Fuq ma ffirmaw qatt ftehim għall-paċi mat-tmiem tal-gwerra ta’ bejniethom, li damet mill-1950 sal-1953.
Madankollu mhemm xejn li jindika li l-Istati Uniti qed taħseb biex tnaqqas ‘il-pressjoni massima’ fuq Pyongyang. Fil-fatt, il-kelliema f’Washington tennew li s-sanzjonijiet fuq il-Korea ta’ Fuq qed ikollhom effett qawwi u li l-Istati Uniti mhix se twarrabhom ħlief għal sitwazzjoni fejn il-Korea ta’ Fuq twarrab għan-nukleari b’mod konkret u uffiċjali.
//= $special ?>


