Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, insista li pajjiżu mhux qed jipprova jifred lill-Unjoni Ewropea. Il-kumment partikulari ngħata sigħat qabel Putin wasal l-Awstrija għall-ewwel żjara tiegħu fl-Ewropa tal-Punent għal kważi sena.
Meta kellem lill-ġurnalisti mal-istazzjon tat-televiżjoni Awstrijak, ORF, Putin qal li jrid jara ‘Unjoni Ewropea magħquda u li qed tgħix fil-prosperità’ . Hu fisser lill-Unjoni bħala ‘l-aktar sieħba importanti ta’ pajjiżu minn aspett kummerċjali u ekonomiku’.
Vladimir Putin qal ukoll li pajjiżu jrid jibni l-kooperazzjoni mal-UE u li Moska ma għandha l-ebda skop li tiżra l-firda fl-Unjoni tal-Istati. Dan meta skont hu, ‘aktar ma jkun hemm problemi fil-qalba tal-UE akbar ikunu l-problemi għar-Russja’.
Ħafna liberali fl-Ewropa huma allarmati mill-fatt li l-Partit għal Russja Magħquda, leali għal Putin, għandu rabtiet mill-qrib ma’ partiti estremisti tal-lemin f’numru ta’ Stati-membri tal-Unjoni.
Fil-fatt, iż-żewġ partiti populisti — Lega Nord u Cinque Stelle — li qed imexxu lill-Italja bħalissa huma t-tnejn ewroxettiċi, minbarra li favur li jkattru rabtiet eqreb ma’ Moska. Dan waqt li l-Gvern ġdid tal-Italja sejjaħ, issa, għal ‘re-evalwazzjoni’ tas-sanzjonijiet mill-UE, ‘u b’mod partikulari s-sanzjonijiet li qed jheddu lis-soċjetà ċivili fir-Russja’.
Sadanittant, Putin, waqt l-intervista, ipprova jimminimizza r-rabtiet bejn il-Partit għal Russja Magħquda u l-Partit tal-Ħelsien Awstrijak tal-lemin estrem. Għalkemm iż-żewġ partiti għandhom ftehim għall-kooperazzjoni, l-estremisti Awstrijaċi jiċħdu li qed jirċievu l-fondi mingħand Moska.
Il-Partit Estremista tal-Lemin jikkontrolla karigi importanti – il-Ministeri għad-Difiża u l-Intern — fil-Gvern ta’ koalizzjoni Awstrijak, waqt li wkoll irid li jitneħħew is-sanzjonijiet tal-UE fuq ir-Russja. Madankollu, hu minnu li l-koalizzjoni fi Vjenna qablet biex jappoġġja l-politika ta’ Brussell rigward dawn is-sanzjonijiet.
//= $special ?>

