Raġel li kien akkużat li kellu x’jaqsam sesswalment ma bint is-sieħba tieghu baqa’ jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrieh.
Ir-raġel li għandu 46 sena u li jaħdem fil-kostruzzjoni tressaq il-Qorti t-Tlieta wara li t-tifla li għandha 14-il sena qalet lil ommha minn dak li kienet għaddiet minnu wara li ma felħitx aktar għas-sitwazzjoni.
Kif saret taf l-omm din għamlet mill-ewwel rapport lill-Pulizija.
Il-pulizija akkużaw lir-raġel li kkorrompa lit-tifla u li ħa sehem f’attivitajiet sesswali magħha.
L-akkużat li wieġeb mhux ħati talab għall-ħelsien mill-arrest, bil-prosekuzzjoni toġġezzjona għal din it-talba minħabba s-serjetà tal-każ u l-biża li javviċina x-xhieda ta’ dan il-każ.
Il-vittma f’dan il-każ hija x-xhieda ewlenija u għad trid tirrakkonta dak li għaddiet minnu. Il-prosekuzzjoni argumentat ukoll li l-akkużat għamel żmien jgħix l-Awstralja u għad hemm xi familjari u għalhekk jista’ jaħrab lejn dan il-pajjiż.
Min-naħa tagħha d-difiża qalet li dan ir-reat sar iktar minn sena ilu u li kieku ried jaħrab l-akkużat kellu kull ċans, semmiet ukoll li bejn l-akkużat u l-vittma l-kuntatt ilu li inqata’ għal madwar sena. Id-difiża qalet ukoll li l-arrest tal-akkużat jista’ jwassal għall-problemi serji fix-xogħol tal-akkużat.
Min-naħa tiegħu l-Maġistrat Neville Camilleri ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-qorti imma laqgħet it-talba biex isem l-akkużat ma jixxandarx.
L-ispetturi John Spiteri u Kylie Borg mexxew il-prosekuzzjoni fil-waqt li għall-akkużat deheru l-avukat Alfred Abela u William Cuschieri.
//= $special ?>

