Lokali

Tingħata l-aħħar tislima lil Colin Muscat

It-Tlieta wara nofsinhar ingħatat l-aħħar tislima lil Colin Muscat, il-vittma tal-isplużjoni li seħħet fil-Kumpless tan-Nar Lourdes Fireworks Factory li jinsab f’Tal-Qadi limiti ta’ Burmarrad.

L-isplużżjon seħħet is-Sibt 26 ta’ Mejju u Muscat kien wieħed minn tlett persuna midruba fl-inċident.  Hu tilef ħajtu l-għada tal-incident wara li sofra ħruq f’90% ta’ ġismu.

Il-funeral fil-Mosta beda b’korteo li mexa tul Triq il-Kbira, u li fih ipparteċipaw membri minn diversi għaqdiet tan-nar u membri minn numru ta’ kumitati ta’ baned.  Matul il-korteo, intefgħu fjuri mill-każini tas-Soċjeta Piroteknika 15 t’Awwissu, tal-Banda Filarmonika Niocolo’ Isouard u tal-Banda Filarmonika Santa Maria.

Fl-aħħar tal-korteo, qabel id-dhul fil-Knisja, ingħata 21 salut b’tislima lil Colin.

Waqt l-omelija, fi Knisja maħnuqa bin-nies, Colin ġie mfakkar għad dedikazzjoni li kellu u għall ħafna xogħol li kien jagħmel għall-festa.

Għall-funeral, minbarra l-familjari, attendew ħafna membri ta’ għaqdiet tan-nar u diversi persuni distinti.