Kunsilli Lokali Lokali

Żvilupp b’rispett sħiħ lejn ir-residenti tal-lokalitajiet tagħna

Huwa d-dmir tal-Gvern Ċentrali li jinforza b'kull mod u jassigura li l-liġijiet jiġu mħarsa

Is-Sindki tal-Kunsilli Lokali ta’ San Ġiljan, Tas-Sliema u Swieqi f’isem il-Kunsilli Lokali rispettivi tagħhom qed jerġgħu għal darb’oħra jappellaw għall-prudenza u l-ordni fil-lokalitajiet tagħhom fir-rigward tax-xogħol estensiv ta’ bini li qed isir f’kull parti ta’ dawn il-lokalitajiet.

Il-Kunsilli Lokali ta’ dawn it-tlett lokalitajiet ħadu nota wkoll ta’ dak li ġara ftit ġranet ilu fuq il-Kunsillier Jeremy Cardona u jfakkru li l-membri kollha tal-Kunsilli Lokali joffru lilhom infushom għas-servizz tar-residenti tagħhom mingħajr ebda ħlas jew interess personali ieħor. Għal dan il-għan jesiġu rispett sħiħ mill-pubbliku u protezzjoni mill-awtorijiet ċentrali.

Is-Sindki ta’ San Ġiljan, Tas-Sliema u Swieqi jirrikonoxxu li numru ta’ żviluppi speċjalment ta’ bini mitluq jkompli jgħolli l-livell ta’ dawn il-lokalitajiet u fl-istess ħin jipprovdi xogħol lil eluf ta’ ħaddiema kif ukoll attività kummerċjali kbira relatata.

Madankollu, l-Kunsilli Lokali msemmija se jkomplu jesiġu bil-qawwa kollha li x-xogħol kollu għandu jsir f’konformità mal-liġijiet u l-permessi maħruġa mill-awtoritajiet. Ħadd mhu ‘l fuq mil-liġi u għalhekk kulħadd irid jimxi mal-liġijiet kemm tal-pajjiż kif ukoll dawk lokali. Dawn ix-xogħolijiet iridu jsiru wkoll b’rispett sħiħ lejn ir-residenti tal-lokalitajiet. Kull kuntrattur huwa mitlub u mistenni li jimminimizza l-inkonvenjent sabiex ir-residenti jkunu jistgħu jkomplu jgħixu f’darhom b’mod sigur.

Is-Sindki ta’ dawn it-tlett lokalitajiet jirrejaffirmaw li se jkomplu jaħdmu bla heda sabiex dawn l-illegalitajiet jieqfu u bħal ma għamlu fil-passat se jkomplu jassiguraw li l-interess tar-residenti jiġi dejjem l-ewwel, u dan alavolja l-Kunsilli Lokali m’għandhom l-ebda poteri ta’ infurzar tal-liġi u jiddependu mill-Pulizija u aġenziji oħra għal dan il-għan.

Huwa d-dmir tal-Gvern Ċentrali li jinforza b’kull mod u jassigura li l-liġijiet jiġu mħarsa fl-intier tagħhom. Minkejja li l-Kunsilli Lokali joħorġu l-permessi, m’għandhomx il-mekkaniżmu sabiex jagħmlu l-infurzar.

Fl-aħħarnett, is-Sindki tal-lokalitajiet ta’ San Ġiljan, Tas-Sliema u s-Swieqi qed jikkonfermaw li llum ser jkunu qed jattendu għall-protesta li se tiġi organizzata fil-Gżira dwar l-illegalitajiet li qed iseħħu kuljum minn uħud mill-kuntratturi tal-bini.