Lokali Saħħa

524 tabib joġġezzjonaw għall-pjan tal-Gvern li jdaħħal l-iffriżar tal-embrijuni

"Il-ħajja tibda mal-konċepiment" - it-tobba

Aktar minn 500 tabib, inkluż 100 tabib tal-familja u 98 konsulent, preżentaw dikjarazzjoni iffirmata lill-Ministru Chris Fearne sabiex joġġezzjonaw formalment għall-pjan tal-Gvern li jdaħħal f’pajjiżna l-iffriżar tal-embrijuni. Id-dikjarazzjoni ġiet preżentata ftit tal-ġranet ilu.

It-tobba insistew li l-ħajja tibda mal-konċepiment u li l-iffriżar m’għandu qatt jiddaħħal bħala proċedura ta’ rutina.

Fid-dikjarazzjoni tagħhom, it-tobba għamluha ċara li huma favur li s-sistema tas-saħħa tgħin lil koppji infertili. Iżda fakkru wkoll li kull embrijun hu ħaj, u għandu d-dinjita’ tiegħu – xi ħaġa li donnu l-Gvern qiegħed jinjora.

Apparti dawn it-tobba, ftit tal-ġimgħat ilu kien hemm 100 akkademiku mill-Universita’ ta’ Malta li wkoll esprimew id-diżapprovazzjoni tagħhom għall-emendi tal-Gvern għal-Liġi tal-Protezzjoni tal-Embrijuni.