Kunsilli Lokali Lokali

Appell biex jiġu mħarsa l-interessi tar-residenti

Il-każ ta’ aggressjoni fuq il-kunsillier Jeremy Cardona ġab miegħu kundanna minn kull sfera tas-soċjetà

It-Tlieta filgħaxija residenti Gżirjani nġabru flimkien għal dimostrazzjoni li ssejħet wara li l-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista Jeremy Cardona spiċċa fil-mira ta’ sewwieq li għal xi raġuni, għafas il-gass għal fuqu.

Il-Kunsill Lokali ddikjara li din id-dimostrazzjoni tixhed ukoll il-frustrazzjoni tar-residenti Gżirjani li ta’ kuljum qed jaffaċċjaw sitwazzjoni ta’ kostruzzjoni bla heda, li qed iġġib magħha storbju, tniġġis kif ukoll toroq magħluqa kontinwament.

Tant hu hekk li kawża ta’ dan l-inċident, il-Kunsill Lokali tal-Gżira għalaq ukoll il-bibien tiegħu sat-Tlieta filgħaxija, f’azzjoni diretta li affettwat lill-kuntratturi li kellhom bżonn permessi mill-Kunsill Lokali.

Għal din id-dimostrazzjoni attendew diversi deputati tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll is-Sindki ġirien tal-Gżira, jiġifieri Guido Dalli bħala Sindku ta’ San Ġiljan, Noel Muscat tas-Swieqi u Anthony Chircop ta’ Tas-Sliema.

Dan wara li iktar kmieni mal-ġurnata, fi stqarrija konġunta, huma appellaw għall-prudenza u l-ordni fil-lokalitajiet tagħhom fir-rigward tax-xogħol estensiv ta’ bini li qed isir f’kull parti ta’ dawn il-lokalitajiet.

Il-każ ta’ aggressjoni fuq il-kunsillier Jeremy Cardona ġab miegħu kundanna minn kull sfera tas-soċjetà.

Fost l-istqarrijiet ta’ kundanna kien hemm dawk tal-Partit Nazzjonalista, il-Kulleġġ Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista, l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali, il-Kunsill Lokali tal-Gżira u l-Malta Developers Association li wissiet li lesta tieħu l-passi dixxiplinarji neċessarji.

Il-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista fil-Gżira tennew ukol lli l-ebda intimidazzjoni mhi se twaqqafhom fl-impenn sħiħ tagħhom lejn ir-residenti.