Għal ġurnata oħra l-Air Malta esprejenzat aktar dewmien.
Diversi passiġġieri, uħud minnhom li kienu qed jivjaġġaw fuq xogħol, tkellmu ma’ NET NEWS dwar l-iskariġġ kbir li qed toħloq din is-sitwazzjoni li saret in-norma u mhux l-eċċezzjoni.
Matul il-ġurnata tal-Erbgħa kważi t-titjiriet kollha tal-Air Malta se jkunu telqu tard minn Malta.
Fl-aħħar jiem is-sitwazzjoni tal-ajruplani tant kienet gravi li l-Kap Kummerċjali tal-Air Malta Paul Sies spiċċa jitkarrab għal ajruplan fuq l-internet – mossa li ġabet magħha rabja kbira minn ħaddiema veterani li ilhom snin twal mal-linja nazzjonali tal-ajru.
Minn dakinhar, il-linja nazzjonali spiċċat tikri diversi ajruplani minn kumpaniji tal-ajru differenti fuq bażi ta’ kuljum f’xhieda tan-nuqqas ta’ ppjanar u mismanagement li qed jaħkem lill-Air Malta.
F’kummenti lil Net News, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Robert Arrigo tenna li din is-sitwazzjoni tikkonferma li l-problema qed tkompli u li l-kiri tal-ajruplani qed isir ġurnata b’ġurnata bħallikieku l-ajruplani kienu xi taxi.
Waqt li esprima l-inkwiet tal-Oppożizzjoni, Arrigo qal li dan qed iħalli riperkussjonijiet fuq klijent li jibbukkja mal-Air Malta u qed isib ruħu fuq ajruplani li qed jiġu fl-aħħar minuta, b’ħaddiema barranin abbord li ma jafu xejn fuq Malta.
Dan qed iwassal ukoll inċertezza kbira anke fuq l-impjegati tal-Air Malta li jinsabu eżawiti sal-aħħar nifs. Mill-ġdid hu esprima x-xewqa tal-Oppożizzjoni li s-sitwazzjoni tissolva mill-iktar fis.
Nies oħra li huma veterani fis-settur turistiku qalulna illi ma jistgħux jifhmu kif l-Air Malta spiċċat f’din is-sitwazzjoni ta’ diżorganizzazjoni kbira, b’numru konsiderevoli ta’ titjiriet qed jitħassru regolarment.
Jirriżulta li din is-sitwazzjoni kompliet tiggrava hekk kif tiswijiet li kellhom isiru fuq ajruplani mikrija mill-Air Malta ma laħqux tlestew fil-ħin skedat.
//= $special ?>
