Lokali

Il-Gvern iwaqqaf kumitat tekniku…bla konsultazzjoni ta’ xejn

L-Oppożizzjoni qed tinsisti li l-Gvern għandu jissospendi l-ħatra ta' dan il-kumitat tekniku

Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli ħatret kumitat tekniku għat-tisħiħ tad-demokrazija rappreżentattiva mingħajr ma saret konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni, li minflok saret taf b’din il-ħatra tal-kumitat mill-Gazzetta tal-Gvern tal-lum.

Fi stqarrija, il-PN qal illi l-ħatra ta’ dan il-kumitat sar mingħajr ma ġew ippubblikati t-termini ta’ referenza jew terminu taż-żmien biex iwettaq il-ħidma tiegħu. Filwaqt li persuni li ġew appuntati biex iservu fuq dan il-kumitat jinkludi persuni f’position of trust fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, kandidati tal-Partit Laburista kif ukoll konsulenti u persuni qrib tal-Partit Laburista.

Fl-istqarrija d-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li l-ħatra ta’ dan il-kumitat tekniku turi li għall-Gvern Laburista d-demokrazija rappreżentattiva għandha titħaddem u tinvolvi biss lil dawk li jirrappreżentaw lill-Gvern. Minflok il-Partit Nazzjonalista jisħaq li demokrazija rappreżentattiva b’saħħitha trid tinvolvi persuni li jkunu ġejjin minn setturi differenti tas-soċjetà u b’ fehmiet politiċi diversi li tkun tinkludi wkoll l-Oppożizzjoni.

Għalhekk, l-Oppożizzjoni qed tinsisti li l-Gvern għandu jissospendi l-ħatra ta’ dan il-kumitat tekniku u minflok iniedi proċess ta’ konsultazzjoni mhux biss mal-Oppożizzjoni iżda wkoll mas-soċjetà ċivili.