Lokali Qorti

AĠĠORNATA: Evidenza biżejjed biex Debono jgħaddi ġuri

Liam Debono
Tintemm il-kumpilazzjoni fil-każ tal-attentat ta' qtil fuq Simon Schembri

Il-Qorti illum iddeċidiet li hemm provi biżejjed sabiex iż-żagħżugħ Liam Debono jgħaddi ġuri akkużat b’attentat ta’ qtil fuq il-kuntistabbli Simon Schembri. Id-deċiżjoni ittieħdet fi tmiem il-kumpilazzjoni mill-Maġistrat Joe Mifsud.

Schembri għadu l-isptar jirkupra mill-aggressjoni serja li saret fuqu meta Debono saq għal fuqu u kaxkru 400m bil-karozza. Il-missier ta’ 48 sena tilef idejn il-leminija, iżda issa qed jimxi wara li ħareġ mill-ITU.

Il-Maġistrat ordna biex il-każ ta’ Debono jitressaq quddiem ġuri.

Aktar kmieni

Hekk kif fil-Qorti illum kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront taż-żagħżugħ Liam Debono li jinsab akkużat bl-attentat ta’ qtil fuq il-kuntistabbli Simon Schembri, illum komplew jixhdu aktar persuni li taw l-ewwel għajnuna u li wieġbu t-telefonata fuq il-linji ta’ emerġenza.

Fost id-dettalji li ingħataw quddiem il-Maġistrat Mifsud, intqal kif il-Pulizija sabu partijiet mill-uniformi ta’ Schembri imwaħħlin mal-Mercedes li kienet misjuqa minn Liam Debono, bi pjanċi misruqin. “Partijiet mill-uniformi kienu għasra bid-demm”, qalu l-esperti forensiċi.

Is-Surġent Gareth D’Amato stqarr illi hu kien minn tal-ewwel li sab lil Debono f’Ta’ Kandja meta ż-żagħżugħ prova jaħrab. “Meta rana għamel manuvra biex jiżgiċċa, iżda ħabat f’ħajt”.

D’Amato xehed ukoll x’qallu Debono meta ġie arrestat minnhom wara li prova jaħrab f’għalqa fil-viċin.

“Għolla idejh ‘il fuq, u qalilna li hu taħt l-eta’. U li l-karozza misruqa kienet ta’ oħtu”.

Mumenti ta’ kommossjoni fil-Qorti

Waqt li xhud wara l-ieħor bdew jagħtu t-testimonjanzi tagħhom dalgħodu, kien hemm diversi mumenti ta’ kommossjoni – l-aktar meta issemma’ ir-recording tat-telefonati li saret lil-linja 112 minn ċeru Kenneth Darmanin, li għandu negozju fil-viċin.

Il-kuntistabbli Michael Sacco, li hu stazzjonat fl-għassa ta’ Ħal Luqa, spjega kif hu malli wasal fil-post tal-inċident ma felaħx iħares lejn Simon Schembri.