Lokali

“Lokalita` taħt assedju” – Adrian Delia mar-residenti tal-Gżira

Adrian Delia man-nies fil-Gżira

In-nuqqas ta’ pjan fit-tul fil-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex min-naħa tal-Gvern deher biċ-ċar waqt iż-żjara li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia għamel fil-Gżira, fejn tkellem mar-residenti fuq it-tħassib tagħhom.

In-nies residenti fil-Gżira ta’ kuljum qed iħabbtu wiċċhom ma’ infrastruttura fil-lokalità li qed tmur għall-agħar, bħalma huma bankini imkissrin, il-problemi bit-traffiku u l-parkeġġ li dejjem qed jiżdiedu u nuqqas kbir ta’ ippjanar fil-kostruzzjoni, li f’każijiet qed iwassal biex anzjani ma jistgħux joħorġu minn djarhom. Dan qed iħalli impatt ta’ kuljum fuq il-ħajja tan-nies.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Gżira hija lokalità li għandha potenzjal kbir speċjalment għat-turiżmu iżda minħabba n-nuqqas ta’ pjan fit-tul min-naħa tal-Gvern mhux qed joħroġ il-potenzjal sħiħ ta’ din il-lokalità.

“Aħna rridu noħolmu li l-Gżira huwa post f’Malta li għandi potenzjal ħdejn il-baħar, bil-marina, b’nies li tieħu pjaċir titkellem magħhom, xatt li huwa spettakolari imma jixirqilha ħafna aħjar. Naħseb li nistgħu nagħmlu ħafna għall-Gżira u bl-għajnuna tal-Kunsillieri tagħna nistgħu verament nagħmlu l-bidla li hemm bżonn għall-ħajja tal-Gżirjani.”

Huwa u jdur man-nies fil-Gżira, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia tkellem magħhom ukoll fuq dwar is-sigurtà f’din il-lokalità, li tospita ammont kbir ta’ persuni li filgħaxijiet imorru jieklu u jiddevertu mal-familji tagħhom. Wara li kien hemm residenti li tkellmu miegħu fuq is-sigurtà u l-kriminalità, Dr Delia mar ukoll sal-għassa tal-Pulizija fil-Gżira iżda din kienet magħluqa.