Internazzjonali

Passi minħabba l-mewt ta’ immigranti barra l-kosta Tuneżina

Il-Gvern Tuneżin ħabbar li kienu tkeċċew għaxar uffiċjali tal-Gvern b’rabta mal-imwiet li seħħew fi tmiem il-ġimgħa ta’ 66 immigrant, fil-maġġoranza Tuneżini li kienu sejrin bil-baħar lejn l-Ewropa.
It-traġedja seħħet barra l-Gżejjer Kerkennah, barra l-kosta ta’ Sfax. Lotfi Brahem, il-Ministru tal-Intern Tuneżin, qal li investigazzjoni preliminarja kienet uriet li dawn l-uffiċjali naqsu minn dmirhom. Fost dawk li tkeċċew kien hemm uffiċjali tal-Gwardja Nazzjonali bbażati fi Sfax u oħrajn mit-taqsim marittima f’Kerkennah. F’din it-traġedja, 68 persuna kienu salvati. L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) qalet li skont is-sorsi tagħha f’din it-traġedja mietu 112-il persuna. Skont dawk li salvaw, abbord il-lanċa li għerqet kien hemm tal-anqas 180 persuna. Din kienet l-agħar traġedja fil-Mediterran minn mindu fit-2 ta’ Frar 90 persuna għerqu barra l-kosta Libjana.