Kultura Lokali

RABJA FOST ID-DILETTANTI TAN-NAR: Konferma li l-Ballun mhux se jinħaraq

Diżappunt wara xhur twal ta' ħidma mill-pirotekniċi Żrieraq

Il-Ballun tal-Blalen li suppost kellu jinħaraq għada bħala parti mill-Pageant of the Seas ġie miżmum mill-organizzaturi. L-aħbar, li ħarġet kmieni filgħodu, kienet konfermata aktar tard permezz ta’ stqarrija mill-V18.

F’messaġġ fuq Facebook minn ‘The Malta Records’ intqal illi b’dispjacir kbir sar magħruf li l-ħruq tal-ballun tħassar wara li l-bieraħ l-għaqda responsabbli li kellha taħraq dan il-ballun, ġiet infurmata li l-permess huwa miżmum.

Il-Malta Records kitbu hekk: “Tajjeb li nsemmu li dan kollu sar jumejn biss qabel l-attivita, b’ konsegwenza li nħlew riżorsi kbar mill-għaqdiet ikkonċernati għad-detriment tal- istess għaqdiet.”

Il-ballun inħadem mill-Kamra tan-Nar tal-Każin Santa Katarina taż-Żurrieq.

Fuq Facebook intweriet solidarjeta’ ma’ Manuel Cauchi “tal-boċċa” u s-Soċjeta Mużikali Santa Katerina.

“Daħlulna ukoll diversi messaġġi mingħand dilettanti tan-nar fejn urew ir-rabja tagħhom, u li qed jesprimu li issa mhux bi ħsiebhom jattendu għal din l-attivita'”.

Il-ħidma fuq dan il-ballun bdiet xejn anqas minn sena ilu, u l-awtoritajiet kienu ilhom sa mill-bidu nett jafu bil-kobor li fih. Il-ballun għandu diametru ta’ madwar 53 pulzier u li fih xejn inqas minn 500 ballun ieħor żgħir ġo fih – jiżen aktar minn 560 kilogramma.

Issa l-V18 qed jgħidu li l-ballun se jinħaraq f’okkażjoni oħra.