Lokali

Wara mewġa ta’ kritika, il-Gvern jgħid li se jagħmel aktar kontrolli

Is-sitwazzjoni fil-Gżira

L-Awtorità tal-Ippjanar u l-Building Regulations Office se jkunu qegħdin jingħaqdu flimkien biex jissaħħu l-ispezzjonijiet relatati mal-infurzar, liema infurzar huma mmirrati biex ikomplu jitnaqqsu l-abbużi li jista’ jkun hemm f’żoni ta’ kostruzzjoni. Dawn is-superviżjonijiet se jsiru kemm waqt il-ħinijiet normali tax-xogħol, kif ukoll wara l-ħin tax-xogħol u fil-Ħdud u l-festi.

Dan ħabbru l-Gvern aktar kmieni illum, fejn intqal illi dan il-proċess se jiskatta nhar it-Tnejn 9 ta’ Ġunju. Uffiċjali mill-Awtorità tal-Ippjanar u mill-Building Regulations Office se jagħmlu spezzjonijiet f’siti ta’ kostruzzjoni biex jaċċertaw fost l-oħrajn li l-hoarding u n-netting tal-iscaffolding saru skont il-liġi, kif ukoll li m’hemmx apparat ta’ kostruzzjoni fuq il-bankini li jista’ jipperikola s-sigurtà għal min ikun għaddej minn hemm.

Il-Gvern qed jassigura li xogħol li jinvolvi ħsejjes u trabijiet ma jsirx fil-Ħdud u l-festi, kif ukoll li xogħol ta’ twaqqigħ u skavar f’positijiet identifikati mill-Awtorità tat-Turiżmu ma jsirx fix-xhur tas-Sajf.