Fl-aħħar jiem, il-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma ħabbar id-dettalji ta’ proġett li għandu l-għan li jtejjeb il-kwalità u l-immaniġġjar sostenibbli tal-ilma tal-pjan u tas-sistema tad-distribuzzjoni mir-Reservoir fil-Qrendi għall-madwar.
Dan hu proġett li se jsir b’fondi tal-Unjoni Ewropea u hu parti min-numru ta’ proġetti oħra li qed isiru b’investiment ta’ 100 miljun ewro ta’ fondi Ewropej.
Fi stqarrija, il-Gvern spjega li dan il-proġett hu marbut mal-ħruġ ta’ tender għall-qtugħ ta’ trinek u l-installazzjoni ta’ pajpijiet biex jiġi estiż in-network ta’ distribuzzjoni primarja lejn żoni remoti, bħas-Siġġiewi, Ħaż-Żebbuġ u l-Qrendi.
Ix-xogħolijiet jinvolvu madwar 15-il kilometru ta’ qtugħ ta’ trinek u aktar minn 45 kilometru ta’ mains ta’ ilma tax-xorb.
F’kummenti lil NET News, is-Sindku tas-Siggiewi, Alessia Psaila Zammit qalet li l-Unjoni Ewropea gabet titjib f’diversi oqsma fl-ibliet u l-irħula tagħna. Hi fakkret kif fl-aħħar snin, fis-Siġġiewi saru diversi investimenti b’fondi tal-Unjoni Ewropea, f’toroq rurali u fi proġett ta’ pavimentar u tisbiħ madwar iż-żona tas-Salib tal-Għolja.
Is-Sindku fakkret ukoll li fl-aħħar xhur, fis-Siġġiewi, ingħata wiċċ ġdid lil Triq Ħal Xluq u Triq Wied Costa. Dan l-investiment sar b’ko-finazjament bejn il-Kunsill Lokali u l-Unjoni Ewropea.
Tenniet li l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi qed jiddiskuti wkoll mal-awtoritajiet dwar investiment f’toroq rurali oħra wara li jitlesta dan il-proġett tal-ilma.
//= $special ?>