Futbol Sport

FUTBOL U21: Telfa kbira għal Malta

(Ritratt - Martin Agius)

Malta…………………..0
Żvezja……………….4

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena tilef bi skor kbir ta’ 4-0 kontra l-Iżvezja.

Din il-logħba li ntlagħbet fis-Centenary Stadium kienet partita minn Grupp 6 tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew. L-Iżvediżi kienu aħjar mill-Matin tul kważi d-90 minuta sħaħ, bil-Maltin ftit li xejn ikunu perikolużi u qatt ma mpenjaw lill-gowlkiper avversarju Oscar Linner.

L-Iżvezja ħarġu aggressivi u wara biss 185 sekonda fetħu l-iskor meta Svante Ingelsson xeħet cross lejn JOEL ANDERSON li mill-viċin tefa’ l-ballun f’lasta vojta.

L-Iżvediżi rduppjaw l-iskor meta s-sostitut Daleho Irandust indirizza cross preċiż mix-xellug lejn CARLOS STRANDBERG li mill-viċin u permezz ta’ xutt mill-ewwel fil-baxx tefa’ l-ballun fix-xibka.

Iktar ma beda jgħaddi l-ħin, iktar kompla jżid id-dominju assolut mill-Iżvediżi u fit-tieni taqsima, l-dawn komplew fejn ħallew u fis-60 minuta għamluhom tlieta meta l-captain Linus Wahlqvist għadda tajjeb lejn is-Erdal Rakip li min-naħa tiegħu xeħet cross lejn CARLOS STRANDBERG li mill-viċin sab ix-xibka.

20 minuta mit-tmiem l-Iżvezja ngħataw penalty meta Jean Borg waqqa’ lil Jonathan Levi fil-kaxxa biex mill-11-il metru nkariga ruħu ERDAL RAKIP u dan ma żbaljax.

Grazzi għal din ir-rebħa l-Iżvezja telgħu jokkupaw l-ewwel post tal-grupp flimkien mal-Belġju. Għal Malta din kienet is-seba’ telfa minn daqstant partiti f’dan il-grupp bil-konfronti li jmiss ikunu dawk kontra l-Belġju fis-7 ta’ Settembru, kontra l-Ungerija fit-12 ta’ Ottubru u kontra Ċipru erbat ijiem wara.