Il-Gvern ġdid Soċjalista ta’ Spanja ħa l-ġurament quddiem ir-Re Spanjol, Felipe VI, bil-Kabinett f’Madrid se jkollu numru rekord ta’ nisa. Fil-fatt, in-nisa se jkunu qed imexxu 11 minn fost is-17 il-Ministeri Spanjoli.
Il-Prim Ministru Spanjol, Pedro Sanchez, qal li l-Kabinett ġdid tiegħu qed jaqsam il-viżjoni ta’ soċjetà progressiva u pro-Ewropea. Dan meta l-Kabinett hu kuntrast assolut għal dak preċedenti taċ-ċentru-lemin li kien imexxi l-eks Prim Ministru Spanjol Mariano Rajoy, li twarrab jiem ilu mill-kariga b’kaġun ta’ skandlu kbir tal-korruzzjoni.
Intant, hu minnu li l-Gvern Spanjol f’minoranza se jkollu bżonn l-appoġġ ta’ partiti oħra biex jattwa l-leġislazzjoni.
Fl-istess ħin, in-nisa se jkunu qed imexxu wħud mill-aktar dekasteri sinifikanti fil-Kabinett ta’ Madrid, fosthom il-Ministeri għad-Difiża, l-Ekonomija, il-Finanzi u l-Edukazzjoni. Intant spikkat ukoll l-għażla tal-eks-astronawta, Pedro Duque, fir-rwol ta’ Ministru għax-Xjenza.
Dan meta l-Partit Soċjalista ta’ Sanchez għandu biss 84 siġġu fil-Parlament ta’ 350 deputat.
Il-proporzjon tan-nisa fil-Kabinett Spanjol hu ta’ 61 fil-mija, li hu l-ogħla fl-istorja tal-pajjiż. Huma ftit il-pajjiżi fejn talanqas ħamsin fil-mija tal-Ministri huma nisa u dawn jinkludu Franza, il-Kanada u l-Iżvezja.
//= $special ?>

