Lokali

“Il-Partit Nazzjonalista lest jieħu passi legali biex jassigura illi min insteraq mill-Arms jieħu flusu lura” – Adrian Delia

Il-Partit Nazzjonalista lest jieħu passi legali biex jassigura illi min insteraq mill-Arms jieħu flusu lura. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ddikjara dan meta lbieraħ kien intervistat minn Frank Psaila fil-programm ‘Iswed fuq l-Abjad’, li xxandar ilbieraħ filgħaxija fuq Net TV.

Dan il-pass se jkun jista’ jseħħ wara li l-Partit Nazzjonalista ħa l-inizjattiva li jiċċekkja l-kontijiet tad-dawl u l-ilma ta’ diversi konsumaturi u nstab li 80% qed iħallsu iktar milli suppost b’diskrepanza ta’ bejn €6 sa €600.

Adrian Delia qal li jekk il-Gvern se jibqa’ ma jiħux azzjoni, Gvern Nazzjonalista se jkun hu l-vuċi taż-żgħir f’pajjiżna u li l-Partit se jkun mill-ġdid il-partit tal-ħaddiema. Tkellem ukoll dwar Għawdex, fejn qal il-Partit Nazzjonalista jrid li jkun meqjus bħala reġjun u b’hekk jibbenefika minn fondi u flus tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li l-fibre optic cable jeħtieġ li jsir mingħajr dewmien.

Adrian Delia tkellem ukoll dwar il-ħaddiema barranin f’Malta, in-nefqiet esaġerati tal-Ministru Chris Cardona barra minn Malta, is-sitwazzjoni fil-Korp tal-Pulizija u l-pensjonijiet.