Lokali

Il-poplu għandu dritt għall-verità wara allegazzjonijiet ġodda dwar pagamenti minn Baku

Il-poplu għandu dritt li jkun jaf il-verità. Hekk iddikjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia l-għada li l-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Parlament ċaħad kull akkuża u naqas milli jirrispondi għat-tweġibiet dwar pagamenti mill-Ażerbajġan.

Iżda minkejja ċ-ċaħdiet tiegħu, il-blogger Manuel Delia kompla jippubblika iktar dettalji, li fost oħrajn juru kif il-managers finanzjarji ta’ Keith Schembri, fit-22 ta’ Jannar tal-2015, irċivew struzzjoni għal pagament ta’ iktar minn mija u erbgħa u sebgħin elf ewro.

Skont dawn ir-rapporti, dan l-ammont ġie depożitat f’kont bankarju f’isem Keith Schembri u ddikjarati bħala fondi ġodda, iżda m’hemm l-ebda dokumentazzjoni li turi minn fejn ġejjin dawn il-fondi.

L-għada, it-23 ta’ Jannar, għadda ammont ta’ mitejn u ħamest elef ewro, ukoll f’kont bankarju ta’ Keith Schembri u wkoll mingħajr verifika.

Dawn il-pagamenti bdew isiru biss 35 ġurnata wara li Keith Schembri rritorna minn Baku fuq żjara flimkien mal-Prim Ministru joseph Muscat, Konrad Mizzi u Kurt Farrugia, iżda mingħajr ma kienu akkumpanjati minn uffiċjali tal-gvern, tal-ambaxxati jew inkella ġurnalisti.

Lejliet li l-blogger Manuel Delia ta d-dettalji ta’ dawn il-pagamenti u ddikjara wkoll li ra d-dokumenti uffiċjali, il-Prim Ministru fil-Parlament ċaħad kategorikament u qal li din hi storja fabbrikata.

Issa li ħarġu dawn id-dettalji, il-kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia mill-ġdid stieden lill-Prim Ministru biex jieħu azzjoni mmedjata.

Sadanittant, fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista ntqal li fid-dawl ta’ dawn l-allegazzjonijiet, in-nies qed jistennew li jsiru jafu l-verità.

Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi jekk Joseph Muscat u Keith Schembri hux se jbiddlu l-verżjoni tagħhom issa li ħarġu aktar dettalji fuq dawn l-allegazzjonijiet ta’ fondi jew jekk hux se jibqgħu jgħidu li dawn l-istejjer irrappurtati fil-midja huma invenzjonijiet.