Lokali

Imfakkra l-vittmi tas-Sette Giugno

Membri tal-Kumitat Festi Nazzjonali l-Ħamis qiegħdu fjuri fuq il-Monument fejn hemm midfuna l-vittmi tas-Sette Giugno, fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata.

Din iċ-ċerimonja kienet parti mill-attivitajiet marbuta ma’ din il-Festa – attivitajiet li bdew l-Erbgħa bid-diskors tal-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia u t-tqegħid ta’ fjuri mill-Ispeaker innifsu, mill-Prim Ministru Joseph Muscat u mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, fost l-oħrajn.

Il-Monument fiċ-Ċimiterju jfakkar lil Manuel Attard minn Tas-Sliema, lill-Għawdxi Giuseppe Bajada, lil Lorenzo Dyer mill-Birgu u lil Carmelo Abela mill-Belt, li huma magħrufa bħala l-erba’ vittmi tal-irvellijiet tas-7 ta’ Ġunju 1919. Il-Monument kien sar mill-Ingliż Boris Edwards fl-1925.

L-irvellijiet tas-Sette Giugno kienu wasslu biex il-Maltin ingħataw waħda mill-aqwa Kostituzzjonijiet mill-Gvern Ingliż ta’ dak iż-żmien.

Sadanittant, l-attivitajiet relatati ma’ din il-Festa komplew aktar tard filgħdu, b’marċ mill-Banda King’s Own tal-Belt, li telaq minn quddiem il-bini tal-Parlament u mexa sal-Palazz tal-President.

Bħalissa għaddejjin riċerki minn studjużi fil-qasam biex ikun ikkonfermat jekk fil-fatt dawn l-irvellijiet ħallewx żewġ vittmi oħra.