Mietu talanqas 20 persuna, bi 80 jindarbu, fost splużjonijiet li qerdu moskea u numru ta’ djar fil-Belt ta’ Sadr; id-distrett ta’ Bagdad fejn ir-residenti huma Musulmani Xiti.
Il-Gvern qal li l-isplużjonijiet seħħew minn ħażna ta’ munizzjon fl-inħawi, fost rapporti li l-munizzjon – li kien jinkludi balal tal-artillerija u grenades — kien qed jinżamm ‘ġewwa l-moskea proprja’. Filwaqt li bdiet investigazzjoni dwar iċ-ċirkustanzi ta’ qabel it-traġedja, l-indikazzjonijiet huma li l-munizzjon ġie ‘attivat’ waqt li kien qed ikun ittrasferit għal vettura.
Ingħad li l-moskea kienet qed tintuża mis-sostenituri tal-Kap reliġjuż tax-Xiti, Moqtada Sadr. L-istess Sadr mexxa lill-alleanza nazzjonali li rebħet l-elezzjonijiet parlamentari tax-xahar li għadda fl-Iraq u li tinkludi, fil-parti kbira, lill-gruppi sekulari. L-alleanza kisbet 54 siġġu fl-assemblea ta’ 328 deputat.
Moqtada Sadr anki jikkmanda milizzja li kienet iġġieldet kontra t-truppi tal-Istati Uniti wara l-invażjoni tal-Iraq, fl-2003, mill-qawwiet tal-koalizzjoni multinazzjonali. Madankollu, hu, fl-aħħar snin, kien qed jappoġġja lill-qawwiet tas-sigurtà Iraqqin fil-battalji kontinwi kontra t-terroristi tal-ISIS fl-Iraq.
//= $special ?>

