L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia tkellem dwar il-bżonn li jiġu riveduti l-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra tar-Rappreżentanti biex fl-iskrutinju tal-użu ta’ fondi pubbliċi, il-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi ma jiġix imxekkel u preġudikat mill-proċeduri fil-qorti.
Il-President tal-Kamra tar-Rappreżentanti għamel dawn ir-rimarki u l-appell fid-diskors taċ-ċerimonja li lbieraħ fakkret il-ġrajja tas-Sette Giugno, li Malta qed tiċċelebra llum – Festa Nazzjonali tas-Sette Giugno.
Anġlu Farrugia għamel dawn ir-rimarki b’referenza għall-kwetsjoni li qamet meta l-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi kien qiegħed jiddiskuti rapport tal-Awditur Ġenerali dwar ix-xiri tal-fuel mill-Enemalta, fejn f’dan il-każ, il-qrati kienu rrimarkaw li l-linji gwida li kienu ġew approvati miż-żewġ naħat tal-Kamra fl-2011, m’għandhomx japplikaw fil-konfront ta’ persuni li ġew imħarrka bħala xhieda quddiem il-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi.
L-Ispeaker qal ukoll li għandna nħarsu lejn il-possibbiltà li jsiru emendi fil-liġi sabiex xhieda li tingħata quddiem kumitati parlamentari ma tkunx tista’ titqies bħala evidenza quddiem tribunal jew qorti tal-ġustizzja.
Dwar is-Sette Giugno, l-Ispeaker esprima t-tama li t-tifkira tas-Sette Giugno sservi biex il-poplu jkun jaf x’qed isir fil-Parlament u wkoll biex wieħed jirrifletti dwar l-istat tad-demokrazija f’pajjiżna.
Fi tmiem iċ-ċerimonja, l-Ispeaker, il-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni, id-Dekan tal-Korp Diplomatiku, rappreżentanti tal-partit politiċi u l-korpi kostitwiti poġġew kuruni mal-monument tas-Sette Giugno fi Pjazza San Ġorġ, fil-Belt, hekk kif indaqq il-Last Post u nżammet minuta silenzju. Iċ-cerimonja bdiet b’marċ mill-banda tal-pulizija li telqet minn quddiem il-Parlament u waqfet fi Pjazza San Ġorġ.
//= $special ?>