Internazzjonali

L-Iżvezja: It-‘Terrorista ta’ Stokkolma’ mibgħut il-ħabs għal għomru

 

Raġel mill-Użbekistan li, is-sena l-oħra, kien uża trakk f’attakk terroristiku li ħalla ħames mejtin fi Stokkolma, intbagħat il-ħabs għal għomru.

Rakhmat Akilov, li għandu 40 sena, kien esprima simpatija mal-grupp terroristiku ISIS qabel wettaq dan l-attakk u l-prosekuturi kellhom iressqu l-provi li hu ‘kellu l-intenzjoni li jagħmel il-ħsara lill-Istat’.

Dan għaliex l-ISIS ma ħarġux stqarrija speċifika li qalet li l-grupp kien wara l-attakk inkwistjoni.

Wara li wettaq l-attakk, Akilov — li kien fallielu appell biex jingħata l-kenn politiku fl-Iżvezja — ħarab mill-inħawi, iżda ma damx biex inqabad mill-pulizija. Hu ammetta li kien l-awtur tal-istraġi wara li spiċċa suġġett għal interrogazzjoni intensiva mill-pulizija.

Rakhmat Akilov kien telaq mill-Użbekistan għall-Iżvezja, fl-2014, u pprova jikseb id-dritt għal residenza fil-pajjiż Skandinav. Iżda f’Diċembru tal-2016 hu kien infurmat li kellu sa erba’ ġimgħat biex jitlaq mill-pajjiż.

Akilov kien sparixxa għal żmien u, ftit xhur qabel wettaq l-attakk, l-awtoritajiet kienu niżżlulu ismu fuq lista uffiċjali tal-aktar persuni mfittxija.

Fis-7 ta’ April tal-2017, Akilov kien ħataf trakk u saqu b’veloċità minn triq ewlenija ta’ Stokkolma u dritt għal ġo ħanut. Minbarra l-ħamsa li mietu, l-attakk ħalla wkoll numru sostanzjali ta’ midruba.