Lokali

FILMAT: Muscat jinsisti li jrid pajjiż miftuħ għal aktar barranin

F’diskors fl-okkażjoni tal-10 sena mill-ħatra tiegħu bħala Mexxej Laburista, il-Prim Ministru Joseph Muscat reġa’ nsista li jrid li l-pajjiż ikun miftuħ aktar għall-barranin li jridu jiġu Malta, jaħdmu u jgħixu ħalli l-pajjiż isir aktar kosmopolitan.

F’Raħal Ġdid, Muscat qal li l-Gvern Laburista ma jissuppervja qatt u jibqa’ jitkellem man-nies. Sostna li l-pajjiż kompla joħloq aktar xogħol, fejn qed jinħolqu madwar 11,000 post tax-xogħol fis-sena, filwaqt li l-qagħad niżel għal 2,000. Qal li minn deficit, il-pajjiż illum għandu surplus ta’ €430 miljun.

Il-Prim Ministru rrefera għall-Pjazza ta’ Raħal Ġdid u qal li din għandha diversi simboli li jfakkru f’kisbiet li għamel il-Gvern Laburista. Fosthom, hu semma’ l-MCAST: istituzzjoni mwaqqfa minn Gvern Nazzjonalista wara li fis-sebgħinijiet, kien propju l-Gvern Laburista li għalaqha.

Min-naħa l-oħra, fost il-problemi li semma’ Muscat kien hemm dik tal-kirijiet tal-propjetà, għalkemm ma tax dettalji dwar kif il-Gvern immexxi minnu mistenni jegħlibha.

Il-Prim Ministru qal li jrid isaħħaħ l-istituzzjonijiet billi jagħmel Kostituzzjoni ġdida. U fost il-kisbiet oħra li semma’ kien hemm dik li l-Gvern Laburista kien għamel Moskea u Skola tal-Musulmani f’Raħal Ġdid, li skont Muscat dan kien proġett ta’ importanza dinjija.