Lokali

Tindif minn bugħaddasa

Tmintax-il bugħaddas minn tliet għaqdiet differenti kellhom biċċa xogħol iebsa mhux ħażin biex tellgħu debri minn qiegħ il-baħar fiż-żona ta’ madwar il-Pitch tal-Belt. Il-baħar qawwi kien ta’ xkiel, kawża tal-kurrenti qawwija u mewġ għoli li fl-aħħar sigħat ħakmu lill-gżejjer Maltin.

Din l-attività saret hekk kif il-Ġimgħa, 8 ta’ Ġunju jiġi mfakkar il-Jum Dinji tal-Ibħra.

Il-bugħaddasa mill-għaqdiet Atlam, Scuba World Dive Shack u ERRC ta’ Għawdex ingħaqdu għal din il-‘cleanup’ volontarja wara li Raniero Borg kien innota l-ħmieġ waqt għaddsa li kien għamel fl-istess post ftit tal-jiem ilu.

Waqt din l-attività ttellgħu aktar minn 420 flixkun tal-ħġieġ, uħud minnhom antiki, kif ukoll materjal ieħor bħal biċċiet tal-metall, ‘aerials’ qodma, tilari tal-fran u partijiet tal-karozzi, inkluż numru kbir ta’ ‘silencers’.

Il-bugħaddasa se jkomplu jagħmlu xogħol ta’ tindif, b’attività   simili se tinżamm ukoll is-Sibt fis-‘South Key’ taċ-Ċirkewwa.