In-nies iridu soċjetà li tkun b’saħħitha u fejn tingħeleb l-isfida tal-obeżità. Dan meta l-istatistika turi li ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin huma fost l-aktar li huma obeżi fl-Ewropa u 40% tat-tfal fl-iskejjel huma obeżi jew għandhom piż żejjed.
Għalhekk in-nies jixirqilhom li jkollhom l-ambjent u l-inċentivi kollha meħtieġa biex jgħixu ħajja aktar sana. Dan mhux biss b’ikel aktar tajjeb għas-saħħa imma wkoll b’aktar spazji miftuħa għar-rikreazzjoni u aktar skemi li jħajjru liż-żgħażagħ jipprattikaw dixxiplini sportivi.
Il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija maħruġa mid-deputati Clyde Puli u Ryan Callus, qal illi huwa kontra kull introduzzjoni ta’ taxxa fuq l-ikel, iżda kif ġie rrapurtat fil-midja, l-Prim Ministru Joseph Muscat mhux qed joffru iżjed għajnuna u inċentivi sabiex in-nies ikollhom aċċess akbar għall-ikel sustanzjuż u bnin għal saħħithom.
Dan kollu fi sforz biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-obeżità, li minn rapport indipendenti jirriżulta li fl-2016, l-ispiża tal-obeżita fuq is-settur tas-saħħa kienet tammonta għal aktar minn €36 miljun. B’dan in-nuqqas ta’ pjan, il-Gvern qed juri m’għandux ideat fil-ġlieda kontra l-obeżità.
Il-Gvern naqas ukoll milli jagħmel l-aħjar użu mill-iskema tal-frott u l-ħaxix għat-tfal fl-iskejjel sabiex jikber l-għarfien u l-edukazzjoni fost it-tfal biex jagħżlu ikel bnin u sustanzjuż għal ħajja aktar sana. Minflok il-Gvern daħħal din l-iskema, li hija ffinanzjata b’fondi tal-Unjoni Ewropea, xhur wara l-bidu tas-sena skolastika u minflok frott u ħaxix frisk tqassam frott qares u ħaxix mgħolli f’pakketti mhux issiġillati, li lanqas m’huma friski iżda ffriżati.
Din kienet waħda mill-opportunitajiet li l-Gvern tilef sabiex jinċentiva l-ġlieda kontra l-obeżità, meta skont studju tad-WHO jirriżulta li 18% tas-subien u 15% tal-bniet ta’ seba snin huma obeżi.
Dan irid jittieħed fil-kuntest li l-prezzijiet tal-ikel żdied kif irriżulta mill-istatistika matul dawn l-aħħar snin u għalhekk għandu jkun il-Gvern li joħloq skemi u inċentivi ġodda biex l-ikel bnin ikun aktar affordabbli għall-familji. L-istatistika turi wkoll li l-persuni fil-faqar jew li jinsabu fir-riskju tal-faqar huma l-aktar li m’għandhomx aċċess għall-ikel sustanzjuż.
Il-Partit Nazzjonalista jrid soċjetà li jimpurtaha mis-saħħa tan-nies u għalhekk jemmen li l-Gvern għandu minnufih ifassal pjan fit-tul fil-ġlieda kontra l-obeżità u bil-fatti jżid l-għarfien u aktar skemi biex in-nies ikollhom l-akbar aċċess għall-ikel li huwa tajjeb għal saħħithom.
//= $special ?>