Sport Sport Ieħor

Floyd Mayweather l-aktar sportiv imħallas fid-dinja

Floyd Mayweather hu l-aktar atleta li daħħal flus matul is-sena li għaddiet

Skont ir-rivista ‘Forbes’ il-boxer Floyd Mayweather hu l-aktar atleta li daħħal flus matul is-sena li għaddiet. F’Awwissu tal-2017 hu kellu ġlieda boxing ma’ Conor McGregor li minnha daħħal is-somma impressjonanti ta’ 205 miljun lira sterlina. L-istess McGregor jinsab fir-raba’ post f’din il-klassifika tal-aktar sportivi li daħlu flus sena ilu.

Fit-tieni post wieħed isib lill-plejer tal-futbol ta’ Barcelona Lionel Messi li għamel dħul ta’ 111-il miljun lira sterlina. Fit-tielet post hemm ir-rivali ta’ Messi, il-plejer ta’ Real Madrid Cristiano Ronaldo li daħħal 108 miljun lira sterlina. Ta’ min jinnota li f’dawn l-aħħar sentejn Ronaldo kien l-aktar sportiv li qed idaħħal flus imma fl-2017 inqabeż minn Mayweather u Messi.

Fl-2017 Ronaldo għen lit-tim tiegħu jirbaħ ħames titli maġġuri fosthom iċ-Champions League, kompetizzjoni li Real reġgħu rebħu ftit tal-ġimgħat ilu. L-2017, għal Messi kienet waħda diżappuntanti hekk kif Barcelona rebħu biss it-Tazza tar-Re imma din is-sena ddominaw bil-kbir fil-kampjonat u ġew inkurunati champions ta’ Spanja.

F’din il-lista ta’ 100 atleta m’hemm l-ebda mara. Fil-passat wieħed kien isib lit-tennista Serena Williams imma lejn tmiem is-sena din ma kinitx fl-azzjoni minħabba li kellha tarbija.

Plejer ieħor tal-futbol li qiegħed mal-ewwel 10 ta’ din il-lista hu l-Brażiljan Neymar. Fis-sajf ta’ sena ilu Neymar ħalla lil Barcelona u ngħaqad ma’ PSG għal somma rekord ta’ 222 miljun ewro. Sfortunatament għalih hu tilef parti kbira mill-istaġun minħabba injury serja u fil-fatt għadu kemm irritorna għal logħob u issa mistenni jikkompeti fit-Tazza tad-Dinja.

Mal-ewwel 10 wieħed isib anke lill-plejer tal-basketball LeBron James u t-tennista Roger Federer. Iċ-champion tal-Formula 1, Lewis Hamilton jinsab fit-12-il post hekk kif sena ilu daħħal 38 miljun lira sterlina.

Sewwieq ieħor tal-Formula 1, dak tal-Ferrari, Sebastian Vettel jinsab fit-18-il post tal-lista bi dħul ta’ 31 miljun lira sterlina.

Usain Bolt, ekssprinter tal-Ġamajka li rtira mill-atletika matul is-sena li għaddiet daħħal 23 miljun lira sterlina f’sena li matulha temm il-karriera bil-parteċipazzjoni tiegħu fil-Kampjonati Mondjali li saru f’Londra.

L-aktar 10 atleti mħallsa:
Floyd Mayweather – boxing ($285m)
Lionel Messi – futbol ($111m)
Cristiano Ronaldo – futbol ($108m)
Conor McGregor – mixed martial arts ($99m)
Neymar – football ($90m)
LeBron James – basketball ($85,5m)
Roger Federer – tennis ($77.2m)
Stephen Curry – basketball ($76.9m)
Matt Ryan – rugby ($67.3m)
Matthew Stafford – rugby ($59.5m)