Lokali

“Il-Gvern qed jonqos li jieħu l-passi biex iħares ir-reputazzjoni ta’ Malta” – PN

L-FIAU jispiċċa taħt investigazzjoni

L-aħbar li l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) qed tinvestiga l-FIAU hija daqqa ta’ ħarta kbira għar-reputazzjoni ta’ Malta. Fi kliem il-PN, il-Gvern mhux qed jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn sabiex ir-reputazzjoni li n-nies ħadmu għalih tiġi mħarsa kif xieraq biex ma jintilfux xogħlijiet f’dan is-settur.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mid-deputati Mario de Marco u Simon Busuttil.

Fl-istqarrija intqal illi l-FIAU mhix l-unika awtorità f’Malta li tinsab taħt investigazzjoni mill-EBA, l-MFSA ukoll tinsab taħt investigazzjoni minħabba l-bank Pilatus. L-FIAU naqset milli tieħu passi serji fil-konfront ta’ bank Pilatus, li ċ-chairman ta’ dan il-bank Ali Sadr jinsab akkużat fl-Istati Uniti b’rabta ma’ allegat ħasil ta’ flus. In-nuqqasijiet li wasslu għal dawn l-investigazzjonijiet saru taħt il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna u l-bank Pilatus ingħata l-liċenzja biex jaħdem f’Malta taħt il-Ministru Scicluna.

L-FIAU mhix l-unika awtorità li naqset minn dmirha f’dan il-każ, l-Avukat Ġenerali seta’ joħroġ investigation order u l-Kummissarju tal-Pulizija seta’ investiga permezz tal-Economic Crimes Unit.

Il-PN qal li l-eks Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar irriżenja ġranet wara r-rapport tal-FIAU dwar il-bank Pilatus u l-eksDirettur tal-FIAU Manfred Galdes irriżenja ftit tal-ġimgħat wara li r-rapport ingħata lill-Pulizija. Tkeċċa wkoll l-Ispettur Jonathon Ferris mill-FIAU, li l-Ministru Scicluna baqa’ jirrifjuta li jgħid jekk kellux rwol fit-tkeċċija tiegħu.

Żewġ entitajiet li tagħhom huwa politikament responsabbli l-Ministru Edward Scicluna naqsu milli jwettqu dmirijiethom fir-rigward tal-bank Pilatus u r-riżultat huwa li aġenziji internazzjonali qed jinvestigaw awtoritajiet Maltin, bi ħsara għar-reputazzjoni ta’ Malta. Il-Ministru Scicluna huwa l-ewwel ministru għall-finanzi li taħtu qed jiġu investigati awtoritajiet li huwa politikament responsabbli għalihom mill-EBA.

Il-Partit Nazzjonalista sostna illi se jibqa’ jkun il-vuċi tan-nies u se jibqa’ jaħdem bla heda biex f’pajjiżna l-istituzzjonijiet jerġgħu jissaħħu mill-ġdid u tiġi mħarsa bl-aħjar mod ir-reputazzjoni ta’ Malta.