Lokali Turiżmu

JUM IEĦOR TA’ SKOSSI: Titħassar titjira oħra tal-Air Malta

Xhieda tan-nuqqas ta’ ppjanar u mismanagement li qed jaħkem lill-Air Malta

Ikomplu l-problemi ma jaqtgħu xejn għal-linja nazzjonali tal-ajru, li fetħet il-ġurnata tal-Ġimgħa b’titjira oħra kanċellata.

Fuq Facebook, l-Air Malta ddikjarat li l-kanċellazzjoni seħħet minħabba problemi operazzjonali, l-iskuża li qed tintuża u li fil-verità tfisser li m’hemmx biżżejjed ajruplani biex jintlaħqu l-impenji tagħha.

Dejjem fuq Facebook, l-Air Malta ddikjarat li l-impjegati kienu qed jikkuntattjaw lil dawk affettwati biex jiġu offruti alternattivi oħra.

Madankollu, ħarsa lejn il-kummenti wieħed jirrealizza li dan mhux minnu, tant li ħafna ddikjaraw li ndunaw b’kumbinazzjoni minn fuq Facebook li t-titjira tagħhom ma kinitx se sseħħ.

Oħrajn stqarrew li ġew offruti titjira lejn Gatwick minflok, iżda li ftit sigħat qabel ma kellhom l-ebda konferma, ma kinux jafu jekk it-titjira hix se sseħħ u li ħadd ma kien qed iwieġeb il-linji tat-telefown li suppost jaqduk f’emerġenza.

Fost il-passiġġieri, Ingliż li kkundanna lil-linja nazzjonali li fi kliemu ħassritlu ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ għeluq snin martu minħabba din id-deċiżjoni.

Ironikament ir-rotta lejn Southend kienet waħda mill-iktar rotot ġodda li ftaħar bihom il-Ministru Konrad Mizzi meta tħabbret fi Frar li għadda.

Dan hu biss l-iktar każ riċenti minn sensiela twila ta’ problemi li nħolqu mindu l-Ministru Konrad Mizzi ddeċieda li jżid drastikament ir-rotot minkejja li issa hu evidenti li l-linja nazzjonali ta’ pajjiżna lanqas għandha ajruplani biżżejjed biex tissodisfa dan it-tkabbir.

Biss biss l-Erbgħa, kważi t-titjiriet kollha tal-Air Malta telqu tard minn Malta. Dan ftit jiem biss wara li s-sitwazzjoni ggravat tant li l-Kap Kummerċjali tal-Air Malta Paul Sies spiċċa jitkarrab għal ajruplan fuq l-internet.

Fl-aħħar jiem inħolqot ukoll sitwazzjoni li l-linja nazzjonali spiċċat tikri diversi ajruplani minn kumpaniji tal-ajru differenti fuq bażi ta’ kuljum f’xhieda tan-nuqqas ta’ ppjanar u mismanagement li qed jaħkem lill-Air Malta.

Kaptan tal-linja nazzjonali tal-ajru, li tkellem ma’ Net News saħansitra spjegalna kif għal iktar minn darba mar l-ajruport u spiċċa jirritorna d-dar … jew għax ma jsibx ajruplan xi jtajjar, inkella għax ma jkollux crew minħabba li dawn ikunu qabżu s-sigħat permissibbli ta’ xogħol minħabba d-dewmien fit-titjiriet.