Lokali

Kritika qawwija mill-MDA għal deċiżjoni li ttieħdet bla konsultazzjoni

L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin qed tappella lill-Gvern biex jingħata perjodu ta’ tranżizzjoni qabel tiddaħħal iż-żieda qawwija fl-ispejjeż għall-kuntratturi li ma jipprovdux biżżejjed spazju ta’ parkeġġ meta jwettqu żvilupp ġdid.

Dan wara li l-Awtorità tal-Ippjannar waqqfet fond ġdid li qed issejjaħlu bħala Green Transport Fund li għandu l-għan li jiffinanzja proġetti kapitali nazzjonali f’pajjiżna.

Il-flus ta’ dan il-fond se jiġu mingħand il-kuntratturi, li issa jridu jħallsu somma flus ikbar minn qatt qabel biex jikkumpensaw jekk l-iżvilupp tagħhom ma jkunx jinkludi biżżejjed postijiet ta’ parkeġġ.

Din id-deċiżjoni madankollu ttieħdet mingħajr konsultazzjoni u daħlet fis-seħħ mil-lum għall-għada u ħolqot problema għall-iżviluppaturi li kienu laħqu daħlu fi ftehim mas-sidien.

Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni ddeplorat il-mod kif din id-deċiżjoni ttieħdet mingħarjr konsultazzjoni u nnutat kif iż-żidiet huma diskriminatorji għax saħansitra japplikaw fuq sidien ta’ żvilupp fejn mhux permess li jsir skavar, u li allura ma jistgħux jipprovdu parkeġġ.

Tinnota wkoll li minkejja snin fejn l-Awtorità ġabret dawn il-flus, il-fondi qatt ma ntużaw għall-iskop tagħhom: jiġifieri li jinħoloq spazju ta’ parkeġġ fejn hemm bżonnu.

Din is-sistemà ġdida mmedjatament kienet ikkritikata bl-aħrax ukoll mill-Kamra tal-Periti, li nnutat kif din l-iskema ddaħħlet bla konsultazzjoni permezz ta’ ċirkulari maħruġa biss jumejn qabel iddaħħlet fis-seħħ.

Il-Kamra tal-Periti fi stqarrija kkundannat b’mod qawwi dak li sejħet bħala “aġir arroganti li żżid bi tlieta, erbgħa u ħames darbiet il-mekkaniżmi ta’ qligħ tal-Awtorità tal-Ippjanar mingħajr ma tindenja ruħha tikkonsulta ma’ ħadd fl-industrija u mingħajr ma tagħti notifika diċenti lil min hu involut.”

Bid-deċiżjoni tagħha, l-Awtorità tal-Ippjanar ħolqot sitwazzjoni fejn il-periti ppanikkjaw u tefgħu pressjoni biex l-applikazzjonijiet tagħhom jiddaħħlu qabel tmiem Mejju. Dan wassal biex is-servers tal-Awtorità tal-Ippjanar ma felħux iżjed u waqgħu.