Proċess ta’ separazzjoni wassal lil omm ta’ tlett itfal biex tgħix f’roqgħa ta’ garaxx … l-unika roqgħa fejn dan il-garaxx mhux okkupat mill-vetturi.
Imdawra minn boroż fuq boroż mimlija ħwejjeġ u affarijet personali, flimkien magħha jgħixu t-tliet uliedha, wieħed minnhom taħt l-eta.
Waqt li l-mara ta’ binha, flimkien ma’ wliedha, jorqdu fuq saqqu mal-art, din il-mara u t-tliet uliedha spiċċaw mixħuta fuq biċċiet ta’ sufan magħquda flimkien.
Spjegatli li titfa’ kemm għandhom kutri biex tipprova kemm tista’ li ma jħossux il-partijiet differenti tas-sufan taħt darhom. Iżda minkejja dan, filgħodu xorta jqumu mkissrin.
Magħhom ukoll tgħix mart wieħed minn ulied din il-mara, b’żewġt itfal tagħhom, wieħed ta’ sentejn u ieħor ta’ xahar u nofs.
Qabel spiċċat f’din is-sitwazzjoni, din il-mara kienet tgħix fil-kumdità, miżżewġa lil raġel sinjur li madankollu beda jieħu sehem f’diversi illegalitajiet u saħansitra jaqlibielha.
Ma setgħetx tissaporti iktar din is-sitwazzjoni. Iddeċidiet li tħalli kollox warajha, u fl-istess waqt li tipprova tlaħħaq ma’ kirja ta’ appartament, bdiet proċess legali biex irnexxielha tieħu l-kustodja ta’ wliedha u toħroġhom minn triq li kienet se twassalhom fl-inkwiet mal-ġustizzja minħabba missierhom.
Taħdem mill-ftit li tista’, għal raġunijiet personali, din il-mara sfortunatament tgħid ukoll li mhux l-ewwel darba kellha ħsibijiet koroh li teħles minn din is-sitwazzjoni li tinsab fiha.
Jekk tixtieq tgħin, għandek imqar kamra fejn jistgħu jgħixu u li lest tikrijielhom, jew inkella lest tgħin b’mod ieħor, agħmel kuntatt magħna.
//= $special ?>