Il-Partit Nazzjonalista ma jużax lil Għawdex biex jiġbed il-voti imma għandu proposti konkretti għal din il-gżira. Gvern Laburista ma għamel l-ebda investiment f’Għawdex partikolarment fl-infrastruttura.
Saħaq dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jitkellem f’attività soċjali f’Ta Sannat Għawdex.
Adrian Delia tkellem ukoll dwar l-Isptar Ġeneral ta’ Għawdex u qal li l-akbar serqa li saret kien il-mod kif il-Gvern biegħ l-isptarijiet b’kuntratt ta’ 200 miljun ewro, imma ħadd ma jaf lil minn dawn inbiegħu. Quddiem din is-sitwazzjoni il-Partit Nazzjonalista mar quddiem il-Qorti biex iwaqqa’ dan il-kuntratt imma Gvern Laburista prova jtawwal il-proċess u insista li l-proċeduri jinstemgħu fis-sigriet biex ma toħroġx il-verità.
Adrian Delia tkellem ukoll dwar il-faqar fejn qal li hemm 70,000 persuna li qed jgħixu fil-faqar. L-unika proposta li għandu Joseph Muscat li mhux se jagħmel taxxa fuq il-fast food. Dan hu insult għal dawn il-persuni għaliex Joseph Muscat irid li persuni fil-faqar jieklu ikel mhux sustanzjuż. Adrian Delia kritika wkoll lill- Gvern għall-fatt li fl-iskejjel qed jingħataw ħxejjex u ħalib skaduti.
Delia qal li l-Partit Laburista ma għadux jirrapreżenta l-ħaddiem imma hu l-Partit Nazzjonalista li qed jirrapreżentahom. Tkellem ukoll dwar il-pensjonijiet fejn qal li l-pensjonanti mhux ilaħqu sal-ahhar tax-xahar u li għalhekk mhux qed jgħixu b‘mod dinjituż u kritika lill-Gvern li mhux kapaċi jgħinhom.
Adrian Delia qal li l-PN għandu viżjoni għal Għawdex fejn il-priorita hija li jinħoloq xogħol ta’ kwalità għall-Għawdxin. Hu qal illi l-PN qed jippjana diversi proposti għal Għawdex bl-iskop li l-Gżira jkollha viżjoni għall-futur.