Internazzjonali

Sanzjonijiet tan-NU kontra t-traffikanti tal-bnedmin fil-Libja

Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti impona sanzjonijiet kontra sitt persuni li jitqiesu huma fil-qofol tat-traffikar tal-bnedmin fil-Libja.
Din hi l-ewwel darba li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ħa passi simili kontra traffikanti tan-nies. Dan il-pass ittieħed fuq inizjattiva tal-Olanda.
Dawn huma erba’ Libjani u żewġ persuni mill-Eritrea. F’Diċembru, l-Unjoni Afrikana qalet li hu stmat li hemm bejn 400,000 u 700,000 immigrant miżmuma f’madwar 40 kamp madwar il-Libja u fil-maġġoranza dawn qed jinżammu f’kundizzjonijiet inumani. Is-sitt perusni huma:
Mus’ab Abu-Qarin, Libjan li hu deskritt min-Nazzjonijiet Uniti bħala persuna ċentrali fit-traffikar tal-bnedmin fil-Libja. Hu stmat li fl-2015 hu kien wara l-vjaġġ mil-Libja lejn l-Ewropa ta’ 45,000 persuna kif ukoll dak il-vjaġġ fit-8 ta’ April tal-2015 li kien wassal għall-mewt ta’ 800 persuna.
Mohammed Kachlaf, Libjan deskritt bħala kap ta’ grupp armat f’Zawiya u li għandu taħt il-kmand tiegħu diversi kampijiet tal-immigranti.
Abd Al Rahman Al-Milad, Libjan li n-NU iddeskriviet bħala l-kap tal-Gwardja tal-Kosta reġjonali f’Zawiya u li dejjem qed ikun marbut mal-każi ta’ vjolenza kontra l-immigranti, fosthom li jinfetaħ in-nar fuq il-laneċ bl-immigranti.
Ermias Ghermay, mill-Eritrea deskritt bħala l-mexxej ta’ wieħed mill-grupp ewlenin ta’ traffikanti tan-nies fil-Libja. Hemm diġà mandat ta’ arrest Taljan fil-konfront tiegħu, fosthom għat-traġedja li kien hemm barra Lampedusa fl-2013 li fiha 266 persuna kienu tilfu ħajjithom.
Fitiwi Abdelrazak, mill-Eritrea, li jmexxi grupp ta’ traffikanti tal-bnedmin li jmur lil hinn mill-fruntieri Libjani u li kien wara tal-anqas żewġ traġedji kbar.
Ahmad Oumar Al-Dabbashi, Libjan deskritt bħala l-mexxej tal-grupp armat Libjan Anas al-Dabbashi li jikkontrolla l-postijiet minn fejn jitilqu l-immigranti. In-NU qalet ukoll li dan għandu rabtiet antiki mal-ISIS.