F’deċiżjoni li taf tkun rivoluzzjonarja, il-Qorti illum ordnat lill-Avukat Ġenerali – u allura lill-pajjiż – sabiex iħallas is-somma ta’ €100,000 lis-sid tal-ħanut McBaileys fil-Belt minħabba li l-liġi tal-kera qed tkun diskriminatorja lejh. Dan wara li fil-Qorti ħareġ kif tal-kirja, is-sid tal-ħanut fi Triq ir-Repubblika qed jieħu żewġ ewro kuljum, meta fir-realta’ suppost jieħu €280 kuljum.
Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Imħallef Zammit McKeon qal illi d-diskrepanza m’għandiex tinġarr min-nies li qed iħallsu l-kera u li bħalissa qed imexxu l-ħanut tal-ħwejjeġ. Dan għaliex huma strettament qed jimxu mal-liġi. Imma hi l-liġi kif inhi li, skont il-Qorti, toħloq din id-diskrepanza.
Il-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li s-sitwazzjoni tpoġġi piż sproporzjonat fuq is-sid tal-propjeta’, u għalhekk l-istat għandu jħallas. Għalhekk, ġie ordnat ħlas ta’ €100,000 minħabba li inkissru d-drittijiet tas-sid.
L-Imħallef innota ukoll li qatt fl-istorja ma ingħata dan it-tip ta’ kumpens għal propjeta’ kummerċjali mill-Qorti Kostituzzjonali.
L-Imħallef Zammit McKeon talab biex il-Parlament ikun infurmat b’din id-deċiżjoni tal-Qorti.
//= $special ?>