Lokali

Tliet Maltin arrestati fl-ibħra Sqallin wara sejba ta’ għaxar tunnellati kannabis

Id-droga hu stmat li kellha valur ta' €20 miljun

Tliet irġiel Maltin qed jgħinu lill-Pulizija Taljana b’rabta ma’ qabda ta’ għaxar tunnellati droga kannabis li saret abbord il-bastiment Olandiż ‘Quest’ li kien qed ibaħħar qrib Sqallija. L-ewwel rapporti jindikaw lit-tagħbija saret f’ibħra Maltin bil-valur hu kalkulat li hu ta’ bejn il-ħmistax u l-għoxrin miljun ewro.

Abbord il-bastiment kien hemm ekwipaġġ ta’ disa’ persuni, fosthom it-tliet irġiel Maltin. Il-bastiment kien interċettat mill-Pulizija Taljana li jservu fuq il-baħar li telgħu abbord un wara spezzjonijiet li għamlu sabu għadd kbir ta’ kaxxin tal-kartun ippakkjati bid-droga kannabis.

Immedjatament il-bastiment spiċċa taħt arrest u f’idejn il-Pulizija Taljana għal aktar investigazzjonijiet. Il-membri kollha tal-ekwipaġġ ukoll issa huma kollha arrestati biex jgħinu fl-istħarriġ, fosthom biex ikun stabbilit minfejn tgħabbiet din il-konsenja kbira ta’ droga kannabis u għalfejn kienet destinata.

L-aħbar diġa’ qed tingħata importanza fil-media Taljana u l-aġenzija ‘La Repubblica’ qalet li b’rabta ma’ din il-qabda u abbord il-bastiment Olandiż kien hemm ukoll tliet irġiel ta’ nazzjonalita’ Maltija li issa qed jgħinu lill-awtoritajiet Taljani fl-indaġni tagħhom.

Nifhmu li l-Pulizija Taljana diġa’ għamlet kuntatt mal-Pulizija Maltija, aktar milli dwar din il-qabda kbira ta’ droga, dwar min huma t-tliet irġiel Maltin u l-passat u ċ-ċrieki tagħhom.

Minn aktar informazzjoni maħruġa dwar din il-qabda rriżulta wkoll li l-bastiment ‘Quest’ kien qiegħed ibaħħar ċirka 130 mil fin-Nofsinhar ta’ Sqallija meta dan twaqqaf direttament għall-istħarriġ. Madankollu jirriżulta li l-Pulizija Taljana kienet ilha mal-erbgħin siegħa ssegwi mill-qrib il-moviment ta’ dan il-bastiment minħabba suspetti li dan seta’ kien qed jintuża għall-ġarr tad-droga kif fil-fatt iriżulta fil-pożittiv mit-tiftix abbord.

Jirriżulta li l-operazzjoni ta’ monitoraġġ bdiet sa minn meta l-bastiment beda jbaħħar aktar kmieni din il-ġimgħa u sa minn qabel ma daħal fl-ibħra li jaqgħu taħt it-territorju Taljan.

Jirriżulta wkoll mill-istħarriġ preliminari tal-Pulizija Taljana li d-droga tgħabbiet fuq il-bastiment fl-ibħra Maltin wara li sar negozju ma’ traffikanti tad-droga ’l barra mill-kosta tal-Marokk u l-Alġerija. Din l-operazzjoni ta’ bdil tal-idejn ta’ din il-konsenja qawwija ta’ droga jirriżulta wkoll li saret taħt is-sorveljanza ta’ kriminali Libjani.

Il-bastiment ‘Quest’ fil-ħin tal-arrest kien qed ibaħħar taħt il-kmand ta’ Kaptan mir-Rumanija u l-membri l-oħrajn tal-ekwipaġġ kienu tlieta minn Malta, żewġ Eġizzjani, Olandiż, Taljan u Kroat. It-Taljan hu magħruf mal-Pulizija Taljana minħabba li kien iservi bħala Uffiċjal f’Ħabs iżda kien tkeċċa wara li kien inqabad jisraq.