L-attakkant prolifiku ta’ Tottenham Harry Kane ġedded il-kuntratt tiegħu mal-klabb b’sitt snin u b’hekk se jibqa’ marbut mat-tim sal-2024.
Fl-istaġun li għadda Kane, li waqt it-Tazza tad-Dinja se jkun il-captain tal-Ingilterra, kien strumentali hekk kif skurja 24 gowl fi 30 logħba tal-Premiership biex għen lill-Ispurs itemmu fit-tielet post tal-klassifika.
Barra minn hekk, fl-2017 Kane spiċċa bħala l-aqwa skorer fl-Ewropa b’56 gowl ma’ Tottenham u mal-Ingilterra.
Il-kuntratt li kellu Kane kien se jiskadi f’Diċembru tal-2022.
Abidal lura ma’ Barcelona
L-eksplejer ta’ Barcelona Eric Abidal se jkun qed jerġa’ jaħdem mal-klabb Katalan. Din id-darba imma hu se jkun qed jokkupa r-rwol ta’ Direttur Sportiv li kien f’idejn Robert Fernandez. L-eksplejer Franċiż lagħab għal aktar minn 200 darba ma’ Barcelona fil-passat imma waqt l-avventura tiegħu mal-Katalani kien sar magħruf li hu kellu tumur.
Kien għalhekk li rtira mill-futbol u minn dakinhar ‘l hawn dejjem esprima x-xewqa li jibqa’ jaħdem mal-klabb. Hu kien tilef ċans li jagħmel dan fl-2015 meta appoġġja lil Joan Laporta fl-elezzjoni Presidenzjali imma kien Josep Maria Bartomeu li ġie elett.
Can se jħalli lil Liverpool
Kif kien mistenni Emre Can mhux se jibqa’ ma’ Liverpool ladarba jiskadi l-kuntratt tiegħu dan is-sajf.
Can, li għandu 24 sena kien ingħaqad mar-Reds fl-2015 meta dakinhar kien ħalla lil Bayer Leverkusen u issa jidher li se jingħaqad maċ-champions Taljani Juventus.
Gowlkiper ġdid għal Juventus
Ftit ġimgħat wara li Gigi Buffon ħalla lil Juventus, dawn ilbieraħ ħabbru li akkwistaw lill-gowlkiper ta’ Genoa Mattia Perin. Huma se jħallsu s-somma ta’ 12-il miljun ewro u se jagħtu wkoll tliet miljun ewro oħra bħala bonuses.
Perin, meqjus bħala wieħed mill-aqwa gowlkipers Taljani għall-futur, iffirma kuntratt li jorbtu sal-2022. Hu se jkun qed jisfida lill-Pollakk Wojciech Szczesny għal post bejn il-lasti.
Roma jakkwistaw lil Cristante
Roma ħabbru li akkwistaw lil Bryan Cristante mingħand Atalanta. Jidher li huma ħallsu madwar 30 miljun ewro għal dan il-midfielder ta’ 23 sena.
Cristante kien ingħaqad ma’ Atalanta mingħand Benfica għal ħames miljun ewro. Fl-istaġun li għadda kellu wirjiet mill-aqwa u skurja 12-il gowl.
//= $special ?>