Lokali Saħħa

It-twaqqif mill-ġdid ta’ kumitat parlamentari dwar id-dijabete għandha tkun prijorità

Il-Gvern qal li qed jikkunsidra li f'din il-leġislatura jimplimenta din il-miżura proposta mill-MEP Francis Zammit Dimech

Il-prijorità li jmiss fil-ġlieda kontra d-dijabete għandha tkun it-twaqqif mill-ġdid ta’ kumitat Parlamentari dwar id-djabete fi ħdan il-Parlament Malti.

L-MEP Francis Zammit Dimech u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni Mario Galea esprimew sodisfazzjoni li l-Gvern qed jikkunsidra li jwettaq il-proposta tiegħu għall-għoti ta’ continuous glucose monitors lill-persuni li jbatu bil-kundizzjoni tad-dijabete tat-Tip 1.

Il-continuous glucose monitors huwa apparat li b’mod awtomatiku janalizza l-livell taz-zokkor fid-demm, b’mod li jelimina l-bżonn li l-pazjent jittaqqab bejn seba’ u għaxar darbiet kuljum. Francis Zammit Dimech kien għamel din il-proposta permezz ta’ ittra mibgħuta lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne wara taħdidiet fit-tul ma’ persuni li jbatu mid-dijabete kif ukoll ma’ ġenituri ta’ tfal b’din il-kundizzjoni. F’artiklu ppubblikat mit-Times of Malta, il-Gvern qal li qed jikkunsidra li f’din il-leġislatura jimplimenta din il-miżura proposta mill-MEP Francis Zammit Dimech.

Mario Galea enfasizza li meta f’pajjiżna hawn rata għolja ħafna ta’ dijabete, li hija l-kawża ta’ diversi mard u kundizzjonijiet kronici ohra, l-Partit Nazzjonalista ma jistax jifhem għalfejn il-Gvern baqa’ jirrifjuta li jerġa’ jwaqqaf il-Kumitat Parlamentari dwar id-Dijabete. Dan il-kumitat kien twaqqaf wara inizjattiva tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista. Il-Partit Nazzjonalista jappella biex din il-wegħda li jingħataw il-continuous glucose monitors ma tispiċċax fuq l-ixkaffa, u minnufih il-Gvern jikkunsidra wkoll it-twaqqif mill-ġdid ta’ kumitat Parlamentari fi ħdan il-Parlament Malti dwar id-dijabete.