Futbol Sport

UEFA: Magħrufa l-avversarji potenzjali tal-Maltin

Dan l-aħħar saru magħrufa l-avversarji potenzjali tal-erba’ klabbs Maltin li se jkunu qed jieħdu sehem fiċ-Champions League u l-Europa League.

Malta se tkun rappreżenatata minn Valletta fiċ-Champions League filwaqt Balzan, Gżira United u Birkirkara se jilagħbu fl-Europa League.

Wara tibdil li sar fir-regolamenti taċ-Champions League, l-aħħar erba’ timijiet issa se jkunu qed jieħdu sehem f’rawnd preliminari li se jkun qed jintlagħab f’forma ta’ mini-tournament b’żewġ semi-finali u finali.

Dan ifisser li l-avversarji possibli ta’ Valletta huma Ludogorets Razgrad (Bulgarija), Celtic (Skozja), APOEL Nicosia (Ċipru), Legia Warsaw (Polonja), FK Astana (Kazakhstan), Garabag Agdam (Ażerbajġan), Sheriff Tiraspol (Moldova), Malmo (Żvezja), Red Star Belgrade (Serbja), Hapoel Beer-Sheva (Iżrael), Rosenborg BK (Norveġja), HJK Helsinki (Finlandja), The New Saints (Wales), Videoton Fehervar (Ungerija), FK Kukesi (Albanija) u Zrinjski Mostar (Bożnija).

Ir-rebbieħa jikkwalifikaw għat-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni waqt li t-telliefa jidħlu fit-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-Europa League. B’hekk, Valletta huma garantiti li jilagħbu minn tal-inqas żewġ rawnds.

Intant, fl-Europa League, Birkirkara u Gżira United se jidħlu fir-rawnd preliminari waqt li Balzan jidħlu fil-kopetizzjoni fl-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni.
L-avversarji possibli ta’ Birkirkara u Gżira United, huma Cefn Druids (Wales), Sant Julia (Andorra), KI Klaksvik (Faroe Islands), St Joseph’s FC (Ġibiltà), UE Engordany (Andorra), FC Prishtina (Kosovo) u Tre Fiori (San Marino).

It-tlugħ tal-poloz tar-rawnd preliminari taż-żewġ kompetizzjonijiet isir fit-12 ta’ Ġunju filwaqt li sebat ijiem wara ssir it-tlugħ tal-polza tal-ewwel u tat-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni.

Fl-1 ta’ Awwissu ssir it-tlugħ tal-polza tat-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni taċ-Champions League u jum wara ssir dik tal-Europa League.

Fit-30 ta’ Awwissu nsiru nafu t-timijiet li se jiffurmaw il-gruppi taċ-Champions League filwaqt li jum wara nsiru nafu dawk tal-Europa League.